Iż-Żebbuġin jisponsorjaw it-tħawwil ta’ 128 siġra

Google Maps

Iż-Żebbuġin ipparteċipaw f’inizjattiva tal-Kunsill Lokali biex jisponsorjaw it-tħawwil tas-siġar fir-raħal tagħhom.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ nieda din l-iskema din il-ġimgħa bil-ħsieb li titħawwel ġenerazzjoni ġdida ta’ siġar biex tħaddar il-lokalità.

Ir-residenti tar-raħal intalbu jagħtu €30 sabiex tinxtara s-siġra, titħawwel u tissaqqa għal sentejn. Min ried seta’ anke jħallas €10 oħra biex is-siġra jkollha plakka b’xi kelmiet magħżula minnu stess. Seta’ jagħżel ukoll il-post fejn jixtieq li titħawwel is-siġra.

Il-kunsillier Żebbuġi Steve Zammit Lupi kiteb li l-kampanja ntemmet wara ħamest ijiem billi 97 resident ta aktar minn €4,000 biex jitħawlu 128 siġra fil-lokalità. Hu rringrazzja lin-nies kollha li pparteċipaw fl-inizjattiva.