Iż-żagħżugħa li gidmet lill-Pulizija tinżamm arrestata

Żagħżugħa li allegatament ħebbet għal 3 uffiċjali tal-Pulizija waqt li dawn kienu qed jaqdu l-irwol tagħhom ma’ immigranti irregolari nhar it-Tlieta ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest fil-Qorti llum.

Iż-żagħżugħa ta’ 22 sena mill-Gambja, li għandha permess ta’ residenza Taljan, ħolqot xi problemi meta uffiċjali tal-pulizija daħlu f’darha fi Triq il-Vitorja f’Ħal Qormi bħala parti minn xogħolhom.

Il-Maġistrat sema’ kif il-mara allegatament irrifjutat li tagħti d-dettalji personali tagħha lill-Pulizija, ma obdietx l-ordnijiet tagħhom, u saret aggressiva, tant li girfet u gidmet lill-Kuntistabbli.

Il-mara wieġbet mhux ħatja fil-Qorti llum talli weġġgħet ħafif lil wieħed mill-uffiċjali, talli rreżistiethom u talli rrifjutat li ttihom id-dettalji tagħha, kif ukoll m’obdietx l-ordnijiet tagħhom.

Madankollu, hi ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u qiegħda tinżamm arrestata.

L-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-Police Officers’ Union, ilbieraħ esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawn l-uffiċjali attakkati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Huwa qal li min-naħa tal-Police Officers’ Union se joffru kull assistenza tagħhom.