Iż-żagħżugħ li tajjar lill-Pulizija Schembri se jgħaddi ġuri

Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed evidenza biex iż-żagħżugħ akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-pulizija Simon Schembri jgħaddi minn ġuri.
Fil-15 ta' Mejju l-pulizija tat-traffiku Schembri ntlaqat minn karozza li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ li ma kellux l-età tas-sewqan.
Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda li kompliet illum, Surġent tal-Pulizija spjega kif l-akkużat kien qed isuq biex jaħrab wara l-inċident imma ħabat ġo ħajt. Iż-żagħżugħ imbagħad ipprova jaħrab mill-karozza imma waqaf f’għalqa fejn għolla jdejh ‘il fuq. Pulizija ieħor li mar fuq il-post qal li Schembri tant kellu ġrieħi gravi li laqqas felaħ iħares lejh.
Mill-ewwel stħarriġ li sar instab li l-pjanċi li kellha l-karozza tal-akkużat kienu ta’ karozza oħra.
Xehdu żewġ persuni oħra li nzertaw fuq il-post li qalu li għall-ewwel ħasbu li kien hemm xi oġġett fit-triq imma mbagħad irrealizzaw li kien ġisem ta’ bniedem. It-tnejn li huma ċemplu n-numru tal-emerġenza u rrappurtaw dak li raw.
Wieħed minnhom ġie mitlub mill-pulizija li kienu fuq il-post biex jerġa’ jċempel l-emerġenza biex jgħidilhom x’kien in-numru tal-karozza li tajjret lil Schembri.  “Dak baqa’ sejjer?” staqsewh u weġibhom “Iva”.
L-avukat tad-difiża staqsa lil dak li ċempel l-emerġenza darbtejn għalfejn għamel hekk u jekk rax il-karozza taħbat ma’ xi ħaġa. Ir-raġel wieġbu li ċempel fuq struzzjonijiet tal-Pulizija u li ma kienx ra xi ħabta sseħħ.
Espert ipprova jeżamina xi informazzjoni fuq il-mowbajl tal-imputat imma dan ma rnexxilux jidħol fih minħabba li kellu “pattern lock”.
Il-prosekuzzjoni qalet li Schembri ħareġ mill-ITU u li rnexxielu jimxi ftit.
Ritratt: Arkivji