Iż-żagħżugħ li għamilha ta’ tabib f’Mater Dei b’sentenza sospiża

Ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin iż-żagħżugħ Kolumbjan mid-Danimarka, li kien qed jagħmilha ta’ tabib fl-Isptar Mater Dei.
Fil-Qorti, Michael Camilo Precth, li għandu 25 sena u li jgħix l-Imsida, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fost l-oħrajn li kien qed jilgħabha ta’ tabib f’uffiċċju f’Mater Dei.
Huwa kien akkużat li eżamina u daħak bi tliet pazjenti nisa, kif ukoll li assaltahom b’mod vjolenti u indiċenti.
Jidher li fil-Qorti nstema’ li Precth ikkuntattja lil tliet mudelli Maltin u qalilhom li jrid is-servizzi tagħhom biex iwaqqaf websajt bl-isem Lifeguard Academy. Qalilhom li għall-polza tal-assigurazzjoni kellhom bżonn jagħmlu test mediku, u offra li jagħmilulhom hu stess peress li kien tabib.
Precht ħa lin-nisa l-Isptar Mater Dei fi tmiem il-ġimgħa li għadda, għadda minn quddiem l-uffiċjali tas-sigurtà b’identifikazzjoni Daniża li tixbah lil dik li tintuża f’Mater Dei  u eżamina lin-nisa f’kamra li nzertat kienet miftuħa.
Fost l-oħrajn għamlilhom it-test tal-ECG u għaldaqstant kellhom ineħħu l-flokk. X’ħin lesta tahom karta roża li tintuża fl-isptar u fuqha kiteb “Għandek bżonn għarus li jgħammillek ftit massaġġi kuljum”.
Kien hemmhekk li t-tfajliet għokrithom għajnhom u marru bil-karta għand il-Pulizija, li bdew jinvestigaw.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li Precht kien tabib fid-Danimarka, imma l-kwalifiki tiegħu għadhom ma ġewx rikonoxxuti Malta.
Fuq Facebook twaqqfet paġna Stop Michael Camilo Precht fejn diversi persuni kitbu li Precth hu ffissat fis-sess u li daħak b’diversi nisa meta ppoża ta’ tabib f’diversi pajjiżi.
Minbarra sentenza sospiża ngħata multa ta’ €2,329.