Iż-żagħżugħ li baqa’ tiela’ fuq bankina jitħalla joħroġ mal-ġurnata

Margaret Buhagiar

Is-sewwieq żagħżugħ li baqa’ tiela’ fuq bankina u qatel Olandiż, issa ma jistax jibqa’ barra wara l-ħin stipulat mill-Qorti.

Issa, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena, se jitħalla joħroġ mid-dar bejn it-8am u t-8pm.

Iż-żagħżugħ baqa’ tiela’ fuq bankina f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju, u spiċċa kkawża l-mewt tal-Olandiż Tim Scholten, żagħżugħ ta’ 19-il sena u weġġa’ 5 persuni oħra.

Hu akkużat ukoll li saq taħt l-effett tal-alkoħol, u li saq b’veloċità eċċessiva.

Huwa kien qed jinżamm arrestat f’daru wara li ngħata ħelsien mill-arrest, iżda l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ippermettietlu li joħroġ, iżda ma jdumx  barra. Dan wara applikazzjoni mill-Avukat Ġenerali l-għada li kienet inqatgħet is-sentenza.

L-AĠ argumenta biex jitneħħa l-ħelsien mill-arrest, u insista li l-ewwel Qorti kellha jew tagħti ħelsien b’kundizzjonijiet normali, jonkella żżommu arrestat.

Il-Qorti spjegat li l-preżunzjoni li l-akkużat hu innoċenti kienet ir-raġuni għaliex ngħata ħelsien mill-arrest.

Il-bqija tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ma nbidlux.