Il-produtturi u d-diretturi ta’ DM Midja, Desier Debono u Melanie-Jo Mangani, l-imħuħ wara s-sensiela Iż-Żagħka ddeċidew b’responsabbilita’ li fil-mument, jissospendu l-filming tal-istess produzzjoni.
Ġie deċiż li l-episodju tal-lejla, se jkun l-aħħar wieħed minħabba t-tip ta’ tmiem li għandu, li bih iħalli t-telespettaturi jistennew fuq ix-xwiek għal dak li jkun ġej wara li jerġa’ jitkompla mill-ġdid.
“L-istorja taż-Żagħka għadha ma spiċċatx,” qal Desier, l-awtur u wieħed mid-diretturi tad-drama.

Iż-Żagħka hija produzzjoni oħra minn bosta li l-ġbid tagħhom se jieqaf. Nhar il-Ġimgħa Rewind Productions ħabbru li b’mod immedjat se jkun qed jieqaf il-ġbid fuq F’Ġieħ L-Imħabba u Sorelle li jixxandru fuq TVM. Għalissa se jibqgħu jixxandru l-puntati li laħqu ġew iffilmjati.
Rewind Productions waqqfu wkoll il-ġbid ta’ Ħbieb u Għedewwa li kienet se tkompli minn dan ix-xahar, twaqqaf ukoll. Hemm madwar 70 puntati lesti u issa għad trid tiġi mħabbra d-data li fiha se tkun imxanndra.
Wara kienu DBA Entertainment li wkoll ħabbru li waqqfu l-ġbid fuq Division 7 li kienet mistennija li tkompli nhar l-Erbgħa li ġej. Issa l-ġbid se jkun qed jieqaf u t-tmien staġun mhux se jixxandar għalissa.
Minflok minn nhar l-Erbgħa fid-9pm fuq l-istazzjon One se tkun qed terġa’ tixxandar is-sensiela Game Over.