Iż-Żabbarin jitħallew bla bandli

Bosta familji Żabbarin jinsabu ddiżappuntati li Ħaż-Żabbar spiċċa mingħajr bandli.

Il-familji li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fil-lokalità m’għadx hemm post fejn fil-ħin liberu jistgħu jieħdu t-tfal tagħhom jitbandlu, għaliex dawn kienu l-uniċi bandli f'Ħaż-Żabbar kollha.

Argumentaw ukoll li issa ilhom ġimgħat sħaħ b'din is-sitwazzjoni u l-Kunsill seta' jerġa' jpoġġi bandli ġodda biex it-tfal ikomplu jgawdu.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri qal li “l-bandli tneħħew fuq ordni tad-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards wara li nstab li ma kienux konformi mal-istandards Ewropej”.

Is-Sindku qal li bħalissa l-Kunsill Lokali ssottometta pjanti ġodda għand il-MEPA biex sa nofs is-sena d-dieħla, il-ġnien ikun mgħammar b’bandli bl-għola livell ta’ sigurtà u li se jiġu jiswew eluf ta’ ewro.

B’kollox madwar Malta u Għawdex hawn madwar 160 bandli li minn żmien għall-ieħor jiġu spezzjonati mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur.

Jekk għandek xi ritratti jew filmat dwar xi storja li tixtieq li ninvestigaw u nippubblikaw, tista’ tibgħat imejl fuq: info@newsbook.com.mt