Ixxukkjati bid-deċiżjoni tal-Gvern – 31 għaqda Kattolika

AFM

Wieħed u tletin għaqda Kattolika qalu li huma xxukjati bid-deċiżjoni tal-Gvern li ma jsalvax lill-immigranti bl-iskuża li l-portijiet huma magħluqin minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija konġunta 31 għaqda qalu li hemm immigranti li nstabu mejta, oħrajn li ntilfu, u oħrajn li qed jinżammu f’kundizzjonijiet inaċċettabbli ta’ detenzjoni fil-Libja. L-għaqdiet qalu li dawn mhumiex il-valuri li ggwidaw lil Malta u li sawru lill-pajjiż.

“Bħala Nsara irridu niftakru li Ġesù qiegħed fuq dawk id-dgħajjes,” qalu l-għaqdiet. L-għaqdiet qalu li jifirħu x-xogħol tal-Gvern u tal-professjonisti tas-saħħa li qed jiġġieldu kontra l-coronavirus però qalu li wieħed irid jiftakar l-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb. Qalu li filwaqt li jirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tad-daqs ta’ Malta, wieħed ma jistax juża’ dan bħala ġustifikazzjoni li jħalli lill-proxxmu fil-periklu. Staqsew x’jiġri jekk ikun hemm ajruplan li jrid jagħmel inżul tal-emerġenza.

“Kif nistgħu nsejħu lilna nfusna Nsara u mbagħad inħallu lin-nies jgħerqu fil-baħar?” staqsew l-għaqdiet. Appellaw lill-istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea biex jgħinu f’din is-sitwazzjoni.

Min iffirma l-istqarrija?

  • Augustinian Youths
  • Azzjoni Kattolika  – Ghawdex
  • Azzjoni Kattolika – Malta
  • Bahrija Youth Group
  • CAMYouths Malta
  • Catholic Charismatic Renewal
  • Catholic Voices Malta
  • Centru Katekezi San Lawrenz
  • Centru taz-Zghazagh ta’ Warda
  • Couples for Christ
  • Grupp Żgħażagħ Gudja
  • Malta Catholic Youth Network
  • Moviment ta’ Kana
  • Moviment tal-Fokolari,
  • Christian Life Community
  • Fraternità Sekulari Charles de Foucauld
  • Grupp “Madonna ta’ Pinu”
  • Jesuit Youth Network
  • Koinonia Charismatic Prayer Group B’Kara
  • KDŻG
  • Legion of Mary
  • MYMA (Malta Youth Minister’s Association)
  • Sixth Form Chaplaincy St Aloysius College
  • Soċjetà MUSEUM – Nisa
  • STEPS Project Malta
  • TAB
  • The Call
  • Eucharistic Youth Movement
  • YouthReach
  • Youth 4 Jesus (Y4J)
  • ZAK (Zaghzagh Azzjoni Katolika)

Aktar minn 500 professjonist tas-saħħa u studenti tas-saħħa ikluż 180 tabib ffirmaw ittra lill-Prim Ministru li titlob sabiex jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti dwar l-għajnuna lill-immigranti f’periklu li jgħerqu. Filwaqt li qalu li jifhmu li s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż tal-coronavirus hija waħda serja, li wieħed iħalli persuni jmutu f’isem is-saħħa pubblika hija deċiżjoni kontradittorja. L-ittra intbagħtet uffiċjalment lill-Prim Ministru mnn The Daphne Caruana Galizia Foundation. Sal-bieraħ kienu ffirmawa 300 persuna.

Intant il-Partit Laburista ma ċaħadx l-allegazzjonijiet li saru kontra l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) li għamlu ħsara lil dgħajsa li kienet qed iġġorr l-immigranti. L-għaqda Repubblika daħħlet żewġ denunzji għand il-Kummissarju tal-Pulizija wara allegazzjonijiet li qalu li patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta poġġew ħajjet grupp ta’ immigranti f’periklu fuq il-baħar.

Il-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) iddiżassoċja ruħu mill-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tagħha Alfred Grixti. Dan wara li Grixti qal ppropona li jitgħarrqu l-bastimenti li jsalvaw lin-nies.