Ixtri l-patata ta’ Malta biex il-bdiewa jkampaw

Michael Caruana li huwa bidwi Malti u esportatur tal-patata lokali qal ma’ Newsbook.com.mt li hu rnexxielu jbigħ il-patata li ħasad mill-għelieqi tiegħu, iżda għamel dan b’nofs il-prezz li s-soltu kien jaqla minnha.

Spjega li hu jgħodd lilu nniffsu xortih tajba hekk kif jinsab konxju li hemm ħbieb tiegħu bdiewa li ma rnexxielhomx jesportaw il-patata tagħhom. Spjega li l-pandemija tal-coronavirus wasslet biex ma jkunx hemm daqshekk bżonn ta’ patata minn swieqi li s-soltu jixtru l-patata minn Malta. Qal li dan minħabba li diversi lukandi u ristoranti kellhom jgħalqu għal perjodu ta’ żmien. Liema perjodu kien dak ideali għall-bejgħ tal-patata Maltija.

Hu rrimarka kif il-prodott li jipproduċi hu u sħabu, mhux prodott li tista’ taħżnu sakemm ikun possibbli li tbigħu. Qal li huwa prodott li jekk ma tbigħux f’ċertu żmien, mela tispiċċa jkollok tarmih u b’hekk tagħmel telf kbir ta’ dħul essenzjali li kien il-mezz biex is-sena ta’ wara tkun tista’ tibqa’ tipprovdi l-prodotti tiegħek.

Il-prezz tal-patata waqa’ bin-nofs

Ma’ Newsbook.com.mt Caruana spjega kif il-prezz tal-patata waqa’ bin-nofs kawża tal-coronavirus. Qal li fejn qabel, xkora ta’ 25kg kienet tinbigħ għal €11/€12, issa spiċċat tinbigħ għall-prezz ta’ €6/€7. Spjega li anke jekk ibigħu l-patata, xorta waħda mhux se jagħmlu profitt, iżda tal-inqas itaffu l-piż tal-ispejjeż li diġà għamlu.

Hu spjega kif ix-xitwa ma kinitx waħda ideali hekk kif kienet waħda xotta. Qal li biex ipproduċa l-patata, kellu jinvesti u jagħmel ħafna aktar spejjeż minn qabel. Dan apparti ż-żerriegħa li ma ħaditx u li b’hekk il-flus li ntefqu fuqha kien kważi għalxejn. Spjega li wieħed irid jiftakar li l-ispejjeż huma ħafna u biex wieħed ikabbar prodotti agrikoli jrid jinvesti wkoll.

Jekk tridu tgħinu lill-bdiewa, ixtru l-patata

Caruana kompla jgħid kif l-unika mod kif il-pubbliku jista’ jgħin lill-bdiewa huwa billi jixtri l-patata ta’ Malta u jsajjar biha. Sostna li dan huwa żmien fejn il-pubbliku għandu jixtri u jinvesti aktar minn dak li hu lokali, mhux biss fejn tidħol il-patata, iżda wkoll f’oqsma u industriji oħrajn.

Intant, hu għamel appell ukoll lill-awtoritajiet Maltin sabiex bħalma ħadu ħsieb lil kumpaniji u ħaddiema oħrajn f’dan il-perjodu jaħsbu fil-bdiewa wkoll. Qal li l-bejgħ tal-patata huwa l-bażi tal-għixien tiegħu. Sostna li filwaqt li persuni oħrajn jaf tilfu x-xogħol għal xahar u ħadu għajnuna ta’ €800 mill-Gvern sakemm jerġgħu jidħlu lura għax-xogħol, ix-xogħol li tilef hu u sħabu l-bdiewa l-oħrajn m’hemmx mnejn iġibuh lura.

Bosta jħeġġu lill-pubbliku biex jixtri l-patata lokali

Intant, kienu bosta l-persuni li użaw il-midja soċjali biex iħeġġu liċ-ċittadini Maltin jixtru patata ta’ Malta. Kien hemm min saħansitra xerred riċetti ta’ kif wieħed jista’ jinkorpora l-patata mal-platt li jsajjar ta’ kuljum.

Forsi post differenti minn tas-soltu imma nħoss li għandna nħeġġu lil kulħadd biex kemm jista' jkun nixtru patata…

Posted by Nicholas Briffa on Monday, June 1, 2020

Patriotic PatataOde to our Potato FarmersPatriotism is for losers, but the one thing I do feel slightly patriotic…

Posted by Burlò on Sunday, May 31, 2020

🍽 Ħaxix imħawwar flimkien mal-patata l-forn. 🥣 #ikelbnin #healthweightforlife #piżtajjebtulħajtek

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Tuesday, May 26, 2020