Ixerred filmat pornografiku tal-eks sieħba; multa ta’ €4,500

Raġel minn Tal-Pietà qala’ multa talli xerred filmat pornografiku li fih kien hemm l-eks sieħba tiegħu.

L-akkużat ta’ 37 sena, li ma jaħdimx, tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech dalgħodu, taħt l-akkużi li xerred il-filmat onlajn tal-eks sieħba tiegħu u hu f’att sesswali. Ġie akkużat ukoll li ma użax il-komunikazzjoni elettronika b’mod korrett.

L-Ispettur Oriana Spiteri mill-Prosekuzzjoni talbet għal ordni ta’ protezzjoni fuq l-allegata vittma. L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti ġibdet l-attenzjoni fuq ineżattezza fit-traduzzjoni tal-artiklu tal-liġi li r-raġel kien akkużat li kiser: it-traduzzjoni Ingliża ta’ Sezzjoni 208E tal-kodiċi kriminali tgħid li l-ħatja għandhom jiġu kkastigati b'”sa ħames snin ħabs” jew multa, filwaqt li l-verżjoni Maltija tgħid li jiġu kkastigati b'”ħames snin ħabs” jew multa. Il-Qorti qalet li se ssegwi l-verżjoni Maltija u għażlet li tikkastiga lill-ħati b’multa ta’ €4,500.

Il-Maġistrat appellat lill-awtoritajiet biex jemendaw il-liġi sabiex titneħħa l-inkonsistenza bejn il-verżjoni Maltija u Ingliża.