Is-sieħeb tal-vittma jinfaqa’ jibki waqt li jirrakkonta x’ġara taħt il-mina

Ix-xufier ta’ taxi li lbieraħ tajjar it-tfajla taħt il-mina ta’ San Ġiljan tressaq il-Qorti akkużat bil-mewt tar-Rumena ta' 19-il sena.
Ix-xufier, li għandu 59 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000.
Huwa ġie akkużat b'sewqan traskurat u anke li kien qed isuq b’veloċità aktar mil-limitu tat-triq u li dawn waslu għal mewt tat-tfajla.
Fil-Qorti ta x-xhieda tiegħu sieħeb il-vittma li nfaqa' jibki mal-ewwel malli ntalab jibda jirrakonta.
Huwa qal kif fl-10:30 tat-Tlieta filgħaxija ħarġu jieklu flimkien ma ħuh li kien wasal għal btala f'Malta u wara marru jixorbu cocktails flimkien.
Il-koppja marru lura l-appartmanent għall-ħabta tas-sagħtejn ta' filgħodu.
Meta waslu l-appartament, sieħeb il-vittma qal li kellhom xi jgħidu u ppakkja ħwejġu biex jitlaq lejn il-lukanda li fiha kien qed joqgħod ħuh.
Insista li kienet ġlieda normali, kif ikollha kull koppja.
Kompla jgħid li għall-ħabta tal-4:30am kien għaddej minn taħt il-mina mingħajr ma rrealizza li t-tfajla tiegħu kienet mixja warajh. Induna biss meta sema' ħoss qawwi, dar u sab lit-tfajla mixħuta fl-art.
Qal li t-tfajla kienet qed taqsam meta ttajret.
Malli beda jirrakkonta kif mar jiġri lejn l-għarusa tiegħu, ix-xhud infaqa' jibki. Għal xi ħin ma għaddiet l-ebda karozza minn taħt il-mina.
Fil-Qorti tela' jixhed ħu l-għarus tal-vittma, li jinsab Malta għal btala. Huwa qal li meta kienu flimkien, il-koppja dehret kuntenta bħas-soltu.
Irrakkonta kif il-vittma kienet l-aktar kuntenta għax kien għadu kemm ġabilha basket mimli ħwejjeġ mingħand ommha.
Wara li ttajret, it-tfajla spiċċat minxura mejta mal-art ħafna ‘l bogħod mill-post fejn intlaqtet.
Mad-daqqa l-karozza ġarrbet ħsarat estensivi.