Ix-xorb żejjed fil-Milied jiswa lill-Ewropa mal-€155 biljun

Il-ħaddiema li marru għax-xogħol b’hangover waqt iż-żmien tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, swew lil min iħaddem u lill-ekonomija Ewropea spiża kbira.
Dan jirriżulta minn rapport tal-CAMH ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, li jikkonkludi li l-ħaddiema b’hangover waqt l-aħħar ġranet tal-2013 swiet lill-Ewropa aktar minn €155.8 biljun.
Il-hangover jiswa lil min iħaddem €331 miljun fis-sena filwaqt li fiż-żmien tal-festi jkunu iktar minn 20%, il-ħaddiema li ma jmorrux għax-xogħol u jgħidu li ma jifilħux.
Ir-rapport jgħid ukoll li l-effett tal-konsum tal-alkoħol jħalli impatt negattiv ukoll fuq l-individwi, l-familji, l-postijiet tax-xogħol u s-soċjetà.
Matul is-sena, persuna li għandha iktar minn 15-il sena fl-Unjoni Ewropea tikkonsma aktar minn 12-il litru ta’ alkoħol jew madwar tliet grokkijiet kuljum.
Dan skont rapport tal-2012 tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Fl-Unjoni Ewropea jixorbu aktar mid-doppju tal-medja tal-kumplament tad-dinja.