​Ix-xogħol tas-sess jiddisprezza lill-persuna – Prof. Azzopardi

Id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta' Malta l-Professur Andrew Azzopardi qal li fil-fehma tiegħu x-xogħol tas-sess (sex work) inaqqas mill-valur ta’ persuna u jirriduċieha għal ogġett.
Fi stqarrija, id-Dekan sejjaħ għal dibattitu li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem b’rabta mal-ħaddiema tas-sess. Qal li wasal iż-żmien biex dan is-suġġett jiġi diskuss hekk kif il-maġġoranza tan-nies jogħġobhom is-sess. Qal li filwaqt li wħud jiddeċiedu li jridu jixtru s-sess, oħrajn ikunu jixtiequ jbigħuh.
Qal li għalkemm il-maġġoranza tal-persuni involuti f’dan is-settur huma nisa eterosesswali, irġiel u nies mill-komunità LGBTQi+ huma sfurzati biex jaħdmu f’dan il-qasam jew jgħażlu li jaħdmu fih huma stess.
Żied jgħid li d-dibattitu jrid isir fil-kuntest eżistenti tas-soċjetà fejn attitudnijiet sessisti lejn in-nisa għadhom predominanti. Qal li jikkonsidra l-att tax-xogħol tas-sess bħala wieħed problematiku sakemm ma jkunx qed isir wara deċiżjoni infurmata u volontarja ta’ dawk konċernati.
Punti oħra li Azzopardi jgħid li għandhom jiġu indirizzati fid-dibattitu jinkludu kwistjonijiet bħal ma’ huma s-servizzi tas-sapport, it-traffikar tal-persuni, it-taħriġ tal-professjonisti, u l-edukazzjoni
Fi kliem Azzopardi wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li nisa li jaħdmu f’dan il-qasam għandhom riskju ogħla li jintlaqtu minn mard li jittieħed b’mod sesswali. Qal ukoll li l-evidenza turi li fattur bħal ma huwa l-faqar jikkontribwixxi lejn l-għażla li mara taħdem f’dan il-qasam.
Id-dekan spjega li diversi studji juru li l-prostituti għandhom riskju akbar ta’ vjolenza, li xi kultant tista’ twassal għall-mewt tagħhom. Qal li minħabba dan, xi għaqdiet tad-drittijiet tan-nisa jħarsu lejn il-prostituzzjoni bħala mezz ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Skont Azzopardi, wieħed għandu janalizza s-sitwazzjoni f’pajjiżi tal-Punent u oħrajn Nordiċi. Qal li hemm bżonn aktar riċerka sabiex id-dibattitu ma jkunx jinvolvi impressjonijiet ġenerali jew argumenti populistiċi.