Ix-xogħol tal-iskultur Gafà mfakkar f’Ruma u fil-Belt Valletta

Il-Bażilika Papali f’Ruma u l-Knisja tal-Vittorja fil-Belt Valletta ċċelebraw it-350 anniversarju mill-mewt tal-iskultur Malti ta’ fama internazzjonali, Melchiorre Gafà. Dan sar billi ġiet esebita l-iskultura tiegħu L-Adorazzjoni tal-Bdiewa fil-Mużew tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġuri.
L-esibizzjoni f’Ruma ġiet inawgurata fit-13 ta’ Diċembru mill-Kardinal Stanislaw Rylko, l-Arċipriet tal-istess Bażilika.
Min-naħa l-oħra, dik f’Malta ġiet organizzata minn Din L-Art Ħelwa flimkien mal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, li sellfu l-iskulturi ta’ Gafà biex din l-esibizzjoni tkun tista’ sseħħ.
Gafà huwa l-iktar magħruf lokalment bħala l-iskultur li ġie mqabbad mill-Ordni ta’ San Ġwann biex jiddisinja l-iskultura tal-magħmudija ta’ Ġesù li wieħed isib fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-istatwa ta’ San Pawl li tinsab fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat.
Dawn iż-żewġ esibizzjonijiet ġew imtellgħa sabiex jikber ir-rikonoxximent lejn dan l-artist żagħżugħ li mal-età ta’ 26 sena kien diġà ġie appuntat bħala akkademiku fl-Akkademja ta’ San Luqa, l-iktar istituzzjoni artistika Papali importanti f’Ruma.