Ix-xogħol ta’ MP vaganza meta mqabbel ma’ tas-Sindki – Vassallo

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal fil-Parlament li x-xogħol ta’ membru parlamentari huwa vaganza meta mqabbel ma’ dak li jagħmel sindku fil-lokalità tiegħu.
Huwa qal li telaq il-ġlekk u l-ingravata fil-Parlament biex jibqa’ qrib in-nies.  Żied li l-assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali kienet, kif qal hu, mixtrija għax il-Gvern kien qed jagħlqilha ħalqha bil-flus.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-diskussjoni fit-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-Gwardjani lokali, Vassallo qal li l-unika riforma hija bidla fl-isem.
Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar qalet li Vassallo kien qed jitkellem b’dan il-mod għax ħabib tal-membru parlamentari nazzjonalista fil-Mosta fejn kien sindku, se jintlaqat ħażin minn din ir-riforma.
Vassallo wieġeb li l-Kap Eżekuttiv tal-LESA Ray Zammit, li huwa qrib il-gvern preżenti, kien Mosti u ħabib tiegħu u allura staqsa jekk kinetx qed tagħmel referenza għalih. Vassallo talab ruling mill-Ispeaker biex jiċċara l-isem tiegħu.
Il-membru parlamentari Laburista Edward Zammit Lewis qal li l-gwardjani lokali kienu spiċċaw magna ta’ ċitazzjonjiet meta waqgħu f’idejn il-privat u għalhekk riforma radikali hija meħtieġa.
Il-membru parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo ppropona li l-gwardjani lokali jibdew jissejħu Pulizija tal-Komunità għax b’hekk iġibu iktar rispett, kif isir f’diversi postijiet fl-Ewropa. Huwa qal li l-infurzar lokali għandu jmur lura għand il-kunsilli lokali għax huma l-iktar entità li jafu l-lokalità tagħhom. 
Id-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi staqsa kif jumejn qabel id-dibattitu fil-Parlament, il-GWU ħabbret li kien intlaħaq qbil dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid tal-gwardjani lokali. Madanakollu saħaq li dan il-kontenut tal-ftehim għadu mistur.