Ix-xogħol mhux oġġett li jinxtara

Il-Papa Franġisku jilqa' ħaddiema b'diżabilità fil-Vatikan

“Id-dinja tagħna għandha bżonn doża ta’ umanità li twassalna biex niftħu għajnejna u naraw li dak li hemm quddiemna mhux xi oġġett li jinxtara, imma bniedem u ħuna fl-umanità.” Hekk qal Papa Franġisku lill-membri tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Ħaddiema b’Diżabilità li ltaqa’ magħhom fil-Vatikan. “Bil-kultura tax-xogħol u s-sigurtà, tkun fil-periklu s-sustanza tad-demokrazija li hi bbażata fuq ir-rispett u l-protezzjoni tal-ħajja.”

“Billi ġġib flimkien u tgħin lil dawk li tilfu xi parti minn ġisimhom jew sofrew diżabiltajiet fuq il-post tax-xogħol u billi tippromwovi kultura u prattiċi ta’ saħħa u siġurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, l-Assoċjazzjoni qed taqdi funzjoni soċjali importanti ħafna u għalhekk f’isem il-Poplu t’Alla, irrid nurikom il-gratitudni tagħna,” qal il-Papa.

“Dawk li fuq il-post tax-xogħol korrew b’konsegwenzi permanenti ta’ diżabilità, qed jgħixu f’sitwazzjoni partikolari ta’ tbatija, speċjalment meta l-inkapaċità tagħhom ma tħallihomx ikompli jaħdmu u jipprovdu għalihom u l-familji tagħhom, kif kienu jagħmlu qabel.  Lil dawn kollha ngħidilhom li jien qrib tagħhom. Alla jikkonsla lil min isofri billi sofra Hu nnifsu u poġġa lilu nnifsu qrib is-sitwazzjonijiet kollha ta’ tbatija u umiltà.”

“Skont is-saħħa li għandu, kulħadd hu msejjaħ biex juri solidarjetà attiva u appoġġ ma’ dawk li kienu vittmi ta’ inċidenti waqt ix-xogħol, għajnuna li trid tkun estiża għall-familji li wkoll huma milquta u għandhom bżonn il-konfort.”

“It-tagħlim soċjali tal-Knisja, li nappellalkom biex dejjem tispiraw ruħkom minnu, jitkellem b’mod kostanti dwar il-bilanċ bejn is-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Dan il-bilanċ irridu nfittxuh u nibnuh f’kull ċirkostanza biex fuq naħa is-solidarjetà ma tieqaf qatt u min-naħa l-oħra ma tkunx limitata biss għal dawk li għadhom jistgħu jagħtu kontribut importanti fid-dinja tax-xogħol.”

“L-istil ta’ sussidjarjetà li tkellimt dwaru, jgħin lill-komunità ċivili kollha biex tegħleb l-ekwivalenza fallaċi u dannuża bejn ix-xogħol u l-produttività għax din twassal biex inkejlu l-valur tan-nies fuq il-kwantità ta’ prodotti u ġid li jipproduċu u b’hekk il-ħaddiem nirriduċuh għal sempliċi rota f’sistema u niddevalwaw l-individwalità u s-siwi personali tagħhom. Din l-idea żbaljata fiha ż-żerriegħa tal-esplojtazzjoni u l-iskjavitù u għandha l-għeruq fl-idea utilitarja tal-persuna umana.”

“Hu għalhekk li x-xogħol tal-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema b’Diżabilità, favur id-drittijiet tal-ħaddiema – ibda minn dawk l-aktar dgħajfa u bl-anqas protezzjoni – fosthom ħafna nisa, l-anzjani u l-immigranti, hi ħidma prezzjuża. Id-dinja għandha bżonn tagħmel qabża lejn l-umanità li tgħinna niftħu għajnejna u naraw lil min hemm quddiemna mhux bħala oġġett imma bħala persuna u ħuna,” temm jgħid il-Papa Franġisku.

Hu ħeġġeġ lill-Assoċjazzjoni biex tkompli taħdem f’kollaborazzjoni mal-Gvern, l-Universitajiet biex tiżdied l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol u jkun hemm liġijiet aktar b’saħħithom li jħarsu saħħet il-ħaddiema.