​Ix-xogħol jaħsad il-ħajja ta’ 2 persuni fis-sena

Skont ċifri ppreżentati fil-Parlament, il-post tax-xogħol jaħsad medja ta’ żewġ persuni fis-sena. Barra minn hekk l-imwiet u l-korrimenti fil-postijiet tax-xogħol, naqsu sena wara l-oħra, bejn l-2013 u l-2016.
Għall-mistoqsijiet tad-Deputat Laburista Robert Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli ppreżentat iċ-ċifri li juru li s-sena li għaddiet, kien hemm 1,341 korriment fuq il-post tax-xogħol u fatalità waħda.
Fl-2015, kien hemm tliet fatalitajiet u 1,358 korriment; fl-2014, 1,455 korriment u żewġ fatalitajiet; u fl-2013, 1,508 korriment u żewġ fatalitajiet.
Ġie speċifikat li skont analiżi tal-istatistika li ssir mill-OHSA, is-setturi assoċjati mal-ogħla rati ta’ korrimenti huma dawk tal-kostruzzjoni, it-trasport u tal-ħażna.
Il-mistoqsija parlamentari tiċċara li skont analiżi tal-istatistika li ssir mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), is-setturi assoċjati mal-ogħla rati ta’ korrimenti, huma dawk tal-kostruzzjoni, tat-trasport u tal-ħażna.