“Ix-xogħol fuq l-interconnector se jieqaf għal ftit jiem” – ll-Ministru Farrugia

Read in English.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li fil-ġranet li ġejjin huwa prevvist li se jieqaf ix-xogħol fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija għal xi ftit ġranet. Dan minħabba xi maltemp li huwa antiċipat fuq il-baħar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, huwa ħabbar li sa issa, it-tiswijiet fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija qed jipprogressaw skont il-pjan. “Il-cable ta’ qiegħ il-baħar ingħaqad mar-replacement cable fuq in-naħa ta’ Malta, u kollox huwa lest biex jinbeda t-tieni joint min-naħa ta’ Sqallija”, żied jgħid.

Il-Ministru Farrugia tkellem ukoll dwar l-iskema tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku li tħabbret ftit tal-ġranet ilu, fejn qal li “tant din intlaqgħet tajjeb mill-pubbliku”, li minn 100 li kien maħsub li se jibbenefikaw minnha, applikaw 400 persuna u l-Enemalta se tkun f’pożizzjoni li tilqa’ 300 applikazzjoni.

Huwa tkellem ukoll dwar il-programm tal-Enemalta biex tkabbar in-netwerk tagħha u ssaħħaħ dik preżenti. Fil-preżent, l-Enemalta qed tagħmel xogħol ta’ titjib fuq is-substations tagħha biex tmur għal remote controlled switching operations. Dan iwassal biex il-provvista tal-elettriku tasal iżjed malajr meta jkun hemm ħsarat fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni. 

Il-Ministru fakkar li qed isir ukoll titjib fuq iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni ta’ Paceville u Marsaskala u li dan ix-xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.