Ix-xogħol fuq il-bus lane fl-Imsida qed joħloq problemi lir-residenti

Ix-xogħol fuq il-bus lane l-ġdida fl-Imsida jistgħu jkun ta’ periklu għal min jgħaddi minn hemm u l-bus lane nnifisha tista’ toħloq problemi ġodda.
Residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt jinsabu inkwetati minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda mogħdija minn fejn n-nies li jkunu mexjin jistgħu jgħaddu. In-nies qed ikollhom jimxu fuq it-triq maqluha fl-istess ħin li gafef ikunu qedin jaħdmu.
Minn barra dan, ir-residenti jinsabu urtati wkoll bil-fatt li b’din il-buslane se tkompli tiżdied il-problema tal-parkeġġ fl-Imsida.  
Ir-residenti qed ikollhom jipparkjaw il-vettura tagħhom ‘l bogħod mid-dar, f’xi drabi jkollhom mixja ta’ għaxar minuti minn fejn tkun il-karozza sad-dar.
Ma’ Newsbook.com.mt qalu li din is-sitwazzjoni hi tedjanti ħafna, l-aktar meta jkollhom basktijiet tax-xirja jew meta jaslu d-dar tard bil-lejl. Resident l-Imsida għamel referenza wkoll għal meta ommu, ta’ 83 sena, jkollha timxi dak it-tul hi wkoll.  
Saret referenza wkoll għall-karozzi għal-bejgħ li jitħallew pparkjati għal ġranet sħaħ u li jkunu qed jokkupaw postijiet ta’ parkeġġi tar-residenti.
Apparti minn hekk, il-bus stop ta’ fejn il-Marina tal-Imsida tneħħit. Jiġifieri persuni li jkunu jridu jagħmlu użu mill-karozza tal-linja qed ikollhom jimxu fit-triq minn mal-karozzi.