Ix-xogħol fl-Isptar ta’ Għawdex għandu jingħata lill-infermiera Għawdxin – AGEM

L-Assoċjazzjoni għall-Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM) qalet li l-ewwel għandhom jingħataw ix-xogħol f’Għawdex dawk l-infermiera Għawdxin li qed ikollhom jinżlu jaħdmu Malta.

Fi stqarrija, l-AGEM qalet li fl-aħħar jiem irċeviet numru konsiderevoli ta’ lmenti mingħand infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta dwar ingaġġ ta’ infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-Kumpanija Steward Healthcare. L-Assoċjazzjoni qalet li din id-deċiżjoni se tħalli impatt negattiv fuq id-diversi infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta u li l-ħolma tagħhom dejjem kienet li jservu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Qalet li l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta, kif u meta hu possibbli, għandhom jinġiebu jaħdmu f’Għawdex. Spjegat li dan dejjem għandu jsir skont ir-regolamenti maħruġa mill-Gvern permezz ta’ lista ta’ sinjorità b’tali mod li min ikun imissu jitla’ jaħdem Għawdex, jagħmel dan skont iż-żmien li jkun ilu jaħdem Malta. Sostniet li b’hekk ikunu qed iħaddmu l-għajta ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

L-Assoċjazzjoni ħeġġet lill-awtoritajiet tas-saħħa, kif ukoll lill-Ministeru għas-Saħħa biex jispjegaw f’aktar dettall dak li seta’ ġara f’dan il-każ, bl-iskop li titnaqqas l-inċertezza u tiżdied it-trasparenza. Ħeġġet ukoll lil Steward Healthcare biex jerġgħu jikkunsidraw din id-deċiżjoni u jdawwruha għal waħda favur dawn l-infermiera.

Ilbieraħ, il-kumpanija Steward Health Care Malta rrikorriet għall-Qorti biex twaqqaf l-azzjoni industrijali ordnata mill-unjin tal-infermiera f’Għawdex. Fi stqarrija Steward qalet li lbieraħ filgħodu talbet għal prohibitory injunction kontra l-azzjoni tal-MUMN. Steward qalet li l-Qorti laqgħet it-talba tagħha b’mod proviżjorju. Il-każ mistenni jinstema’ dan ix-xahar.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kienet se tieħu azzjoni industrijali kontra Steward Healthcare peress li l-kumpanija trid timpjega infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta hemm infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti fl-isptar ta’ Għawdex.

Kienu se jinħarġu diversi direttivi fis-swali kollha tal-isptar t’Għawdex u fil-lukanda Downtown fejn qegħdin jinżammu pazjenti anzjani.

Steward qalet li kienet se tingaġġa infermiera barranin. Qalet li l-MUMN kienet taf b’din il-miżura “interim” biex l-infermiera fl-isptar ta’ Għawdex jingħataw l-għajnuna sakemm infermiera Għawdxin f’Malta jistgħu jingħataw il-permess jaħdmu Għawdex.

Steward qalet li għamlitha ċara li dawn l-infermiera barranin mhux se jkunu qed jinterferixxu mat-transfer tal-infermiera Għawdxin.

Steward allegat li l-azzjoni tal-MUMN kienet tfisser li l-kura tal-emerġenza kienet tiġi sospiża f’Għawdex. Il-kumpanija temmen li l-azzjoni tal-unjin ma kinetx qed issir b’mod xieraq.