Ix-xogħol fl-iskejjel tal-Qawra, l-Imsida u r-Rabat Għawdex fejn wasal?

Diversi xogħolijiet ta’ renovar u bini mill-ġdid ta’ skejjel jinsabu fil-proċess. Fil-Parlament, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kien qed iwieġeb diversi mistoqsijiet tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Chris Said u Clyde Puli dwar diversi skejjel fosthom dawk tal-Qawra, l-Imsida u r-Rabat, Għawdex.

Dwar il-bini ta’ skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex, Said staqsa jekk il-Ministru jistax jagħti dettalji dwar iż-żminijiet speċifiċi meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ skavar, piles u bini ta’ skola primarja ġdida għall-istudenti li jattednu l-iskola primarja tal-Vajringa, ppjanata li tinbena ħdejn il-middle school. Hu staqsa wkoll dwar x’qed isir biex l-ammont kbir ta’ parkeġġ li se jintilef fiċ-ċentru tar-Rabat ikun ikkumpensat.

Bonnici qal li x-xogħol ta’ skavar beda f’nofs April u dan se jkun segwint minn xogħol ta’ kostruzzjoni. Dwar il-postijiet ta’ parkeġġ, qal li bħalissa hemm diskussjonijiet għaddejjin bejn l-awtoritajiet konċernati biex il-faċilitajiet ta’ parkeġġ fl-inħawi jkunu organizzati aħjar u jitjiebu.

Intant, Puli talab lill-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar żviluppi tal-iskola l-ġdida fir-Rabat Għawdex. Bonniċi qal li minħabba fdalijiet arkeoloġiċi fis-sit, l-iskavar qed isir b’makkinarju apposta u l-art viċin il-blat tkun skavata bl-idejn. Qal li kif titlesta din il-fażi, tibda l-kostruzzjoni tal-iskola.

Bonnici wieġeb ukoll mistoqsijiet ta’ Said fejn jidħol ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fl-MCAST ta’ Corradino Hill. Said staqsa meta huwa prevvist li jitlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni, kemm sar mix-xogħol s’issa u kemm ġie jiswa. Bonnici qal li jinsab infurmat li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fl-MCAST tlesta minnu madwar 55% u s’issa sewa €16,700,000. Qal li hu pevvist li x-xogħol ta’ kostruzzjoni ma jaqbiżx l-2022.

Dwar l-iskola tal-Qawra, Puli staqsa lill-Ministru biex jgħid meta din se tkun lesta, ladarba din ilha mwiegħda għall-aħħar ħames snin. Min-naħa tiegħu, Bonnici qal li din l-iskola għandha tkun lesta din is-sena stess.

Intant, Puli staqsa wkoll dwar l-aħħar żviluppi fejn jidħol il-bini tal-iskola ġdida fl-Imsida. Bonnici qal li x-xogħol beda f’April tal- 2020 bit-twaqqiegħ tal-iskola l-antika, l-iżmantellar ta’ parti mill-faċċata eżistenti skont il-kundizzjonijiet imposti mill-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll l-iskavar tas-sit. Intant, is-sejħa għall-offerti għall-bini tal-iskola l-ġdida għalqet fil-5 ta’ Mejju 2020.