Ix-xogħol domestiku żdied fi żmien il-pandemija: Għan-nisa jew għall-irġiel?

Studju li sar mill-Kummissjoni għall-Ugwaljanza jħares lejn id-distribuzzjoni tax-xogħol domestiku fid-dar fi żmien il-pandemija. 58.4% tan-nisa qalu li s-sigħat li qattgħu jagħmlu xogħol domestiku żdied fil-perjodu tal-partial lockdown. Intant kienu 55.2% tal-irġiel li qalu li x-xogħol domestiku żdied. Intant il-bqija tal-persuni li rrispondew is-survey qalu li l-piż tax-xogħol domestiku baqa’ l-istess.

Dan l-istudju, li kien ippreżentat minn Andre Callus, Policy and Trainings Executive tal-Kummissjoni, iħares lejn jekk kienx hemm xi bidliet lejn kif in-nisa u l-irġiel qasmu bejniethom ix-xogħol domestiku fi żmien il-pandemija, meta ħafna spiċċaw jaħdmu mid-dar jew iqattgħu żmien itwal mid-dar. Il-preżentazzjoni saret waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Is-survey kien imqassam bejn it-23 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju permess tal-midja soċjali, emails lil NGOs, kumpaniji privati u s-settur pubbliku. Callus qal li dan l-istudju mhux rappreżentattiv tal-popolazzjoni kollha, madanakollu jista’ jagħti sfond għal kif ċertu familji affaċċjaw ix-xogħol domestiku fiż-żmien tal-partial lockdown. B’kollox dan is-survey kien imwieġeb minn 1,906 persuni. 1,358 mara wieġbu dan is-survey meta kkumparat ma’ 542 raġel. Callus spjega li d-diskrepanza bejn l-irġiel u n-nisa fit-tweġibiet tas-survey turi l-mentalità li għadha predominanti fis-soċjetà Maltija, jiġifieri li x-xogħol tad-dar huwa xi ħaġa li tagħmel il-mara.

Kienu n-nisa li rrappurtaw li raw tnaqqis fil-ħin personali tagħhom f’dan il-perjodu. Dan kien esperjenzat minn 32% tan-nisa u 25.1% tal-irġiel. Intant, jidher li fil-maġġoranza kienu l-irġiel li żdiedilhom il-ħin personali tagħhom (45.3% rġiel, 42.6% nisa).

Is-survey staqsa dwar iż-żieda jew tnaqqis ta’ ħin li l-persuni li wieġbu dan is-survey qattgħu fuq affarijiet differenti. 55.8% tan-nisa li wieġbu s-survey jaħdmu full-time filwaqt li għandhom familja bit-tfal. Intant, 94.7% tal-irġiel jaħdmu full-time waqt li għandhom familja bit-tfal. In-nisa jidher li huma aktar huma involuti fit-trobbija tat-tfal jew membri tal-familji oħrajn li huma dipendenti (85%), intant huma 58% tal-irġiel li qalu li huma aktar involuti f’dawn l-attivitajiet ta’ kuljum. Fejn jidħol ix-xogħol tad-dar, 96.4% tan-nisa qalu li koppji bit-tfal jagħmlu xogħol tad-dar, filwaqt li kienu biss 31.4% tal-irġiel li wieġbu li jagħmlu x-xogħol tad-dar.

Kemm l-irġiel u anke n-nisa li wieġbu dan is-survey qalu li matul il-perjodu tal-istudju kienu qed iqattgħu aktar ħin mid-dar. Ħareġ ukoll li l-maġġoranza jemmnu li l-coronavirus ma affettwax il-ħin tax-xogħol tagħhom. 33.2% tan-nisa qalu li s-sigħat li għamlu jaħdmu fuq ix-xogħol tagħhom bi ħlas żdied. Intant, kienu 29.6% tal-irġiel li qalu li x-xogħol tagħhom żdied f’dan il-perjodu. Intant, 11.9% tan-nisa u 14.4% tal-irġiel wieġbu li x-xogħol bil-ħlas tagħhom naqas. Intant, il-bqija jidher li baqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom b’mod normali.

Il-maġġoranza tan-nisa (59.2%) qalu li ma jaqblux li l-home-schooling u l-kura tat-tfal ma kinitx xi ħaġa li nqasmet b’mod ugwali bejn il-ġenituri. Intant kienu biss 35.7% tal-irġiel li wieġbu li ma jaqblux li x-xogħol tqassam b’mod ugwali.

Aktar mir-riżultati:

  • In-numru ta’ sigħat fuq xogħol domestiku u kura tat-tfal waqt il-pandemija żdied aktar għan-nisa milli għall-irġiel.
  • Il-ħin personali u għall-irqad naqas iktar għan-nisa milli għall-irġiel.

X’qed tirrakkomanda l-Kummissjoni?

Abbażi ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni rrakkomandati li:

  • Ikunu implimentati miżuri li jinfluwenzaw u jisfidaw il-perċezzjoni pubblika sterjotipika li l-irġiel huma dawk li jmorru għax-xogħol u n-nisa huma dawk li jieħdu ħsieb it-tfal. Dan il-miżuri għandhom jinkludu paternity leave imħallas u paid paternal leave li jekk ma jitteħidx dak li jkun jitilfu.
  • Inċentivi għal min iħaddem meta jissapportjaw lill-irġiel fid-dritt tagħhom li fejn jidħol it-tqassim tar-responsabbiltajiet tal-familja.
  • Li jsir Gender Impact Assessment tal-pandemija u tal-miżuri tal-irkupru.
  • Li jkun hemm pjanijiet ta’ rispons għall-coronavirus li jkunu sensittivi għall-ġeneru.
  • Arranġament għal xogħol flessibbli fis-setturi privati u pubbliċi, b’inċentivi.

Fil-ftuħ tal-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis sostna li fl-aħħar sena, il-Kummissjoni mhux biss irnexxielha tagħmel investigazzjonijiet ta’ każi ta’ diskriminazzjoni, imma anke organizzat taħriġ u kampanji edukattivi. Zammit Lewis qal li hemm bżonn tibdil fil-mentalità tal-pajjiż kollu u mhux biss ir-responsabbiltà tal-Gvern li jiġġieled l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li Malta rat żieda konsiderevoli fin-nisa daħlu għax-xogħol. Qalet li l-Gvern dejjem ħadem għal soċjetà aktar inklussiva, mhux biss fejn jidħol l-ugwaljanza bejn in-nisa u rġiel, iżda wkoll fejn tidħol l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+. Tkellmet ukoll dwar il-konsultazzjoni pubblika fejn jidħlu r-razziżmu u x-xenofobija fil-pajjiż.

Intant, il-Kummissarju tal-NCPE Renee Laiviera tat ħarsa lejn ix-xogħol tal-NCPE fl-2019. L-NCPE kompliet twassal informazzjoni dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet relatati mal-ugwaljanza permezz ta’ taħriġ lil 890 parteċipant f’setturi differenti. L-NCPE pprovdiet ukoll kontribuzzjonijiet għall-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni.

Laiviera spjegat il-proċedura tal-investigazzjonijet tal-NCPE ta’ każi ta’ allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni u ddeskrevit żewġ każi: wieħed dwar allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, u l-ieħor dwar allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ razza u oriġini etnika.

L-għarfien immirat lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol huwa msaħħaħ permezz taċ-Ċertifikazzjoni tal-Marka tal-Ugwaljanza li permezz tagħha l-NCPE tkompli tiċċertifika organizzazzjonijiet li l-impenn tagħhom għall-ugwaljanza bejn is-sessi jmur lil hinn mill-obbligi legali. Waqt Ċerimonja ppreseduta mill-Ministru Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Cutajar, 14-il kumpanija ngħataw iċ-ċertifikazzjoni tal-Mark tal-Ugwaljanza, 6 kumpaniji ngħataw l-ewwel ċertifikazzjoni mill-ġdid u 8 kumpaniji t-tieni ċertifikazzjoni. Għall-ewwel darba, 9 kumpaniji rċevew ċertifikat talli pparteċipaw fl-eżerċizzju ta’ test-pilota tal-Equal Pay Tool. L-għan tal-Equal Pay Tool huwa li tivverifika li l-organizzazzjoni tħallas paga ndaqs għal xogħol ta’ valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel waqt il-verifiki tal-Marka tal-Ugwaljanza. Il-Kurja tal-Arċisqof u l-Arċidjoċesu ta’ Malta kienu fost dawk li rċevew il-Mark tal-Ugwaljanza.