Ix-xogħlijiet artistiċi monumentali għall-Marsa Junction Project esebiti fil-Belt Valletta

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera żaru l-esibizzjoni tal-Arti tal-Proġett tal-Marsa Junction fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.

Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar kif dan il-proġett – investiment ta’ €70 miljun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea – issa wasal fi tmiemu, però kien jeħtieġ li b’mod viżwali u estetiku jiġi mżejjen bl-aktar mod li jixraqlu.

“Meta tqis li se jitħawlu 600 siġra indiġena u ‘l fuq minn 25,000 arbuxell naħseb hija ċara daqs il-kristall il-viżjoni tagħna li noffru aktar sostenibbiltà, aktar nifs ħadrani, u kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies. Dan biex ma nsemmux ukoll li permezz ta’ dan il-proġett se nkunu qed neliminaw drastikament il-konġestjonijiet tat-traffiku li se jsarraf f’inqas emissjonijiet fl-arja. Iżda aħna ħassejna wkoll li l-Marsa Junction Project huwa proġett fejn nistgħu anke nieħdu l-inizjattiva sabiex ninplimentaw ukoll il-kunċett ta’ integrazzjoni tal-arti fil-ħajja tan-nies, u b’hekk dawk kollha li japprezzaw jew għandhom għal qalbhom l-arti viżiva, se jgawdu minn dan ukoll permezz tal-Marsa Junction Project”, qal il-Ministru Ian Borg.

B’kollox hemm erba’ timijiet ta’ artisti li qed jużaw l-azzar, iċ-ċeramika, il-ġebla rikostitwita u materjali oħra biex jipproduċu din l-arti li fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tibda tinstallahom fiż-żoni ħodor li qed tiżviluppa bejn Triq Aldo Moro, fil-Marsa u ċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

“L-arti u l-kultura huma oqsma fundamentali li jagħtu identità unika lil kull soċjetà. Permezz tal-arti fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, inkunu qiegħdin mhux biss ninvestu fit-talenti u l-espressjoni artistika, imma qegħdin insaħħu proprju l-komunitajiet stess”, saħaq il-Ministru Herrera. Il-ministru tenna wkoll kif huwa pożittiv li entitajiet differenti qegħdin jikkollaboraw b’mod attiv flimkien biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Ix-xogħlijiet magħżula jinkludu: Tisliba ta’ Paul Haber, artist taċ-ċeramika mwieled Għawdex; Sema ta’ I + A Limited, xogħol kollettiv ta’ periti, artisti u teknoloġisti minn Malta; Ascension ta’ Mizzi Studio, studjo tad-disinn ibbażat f’Londra u l-Belt Valletta; u Tipping Point ta’ Alex Welch, artist tal-metall minn Limassol, Ċipru.

Min-naħa tiegħu iċ-Chairman għall-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li, “Sabiex l-arti tkun verament apprezzata, ma tistax tkun moħbija mill-pubbliku. Jeħtieġ li tkun aċċessibbli b’mod miftuħ għan-nies. Din il-kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta se twassal biex l-arti tkun imqiegħda fi spazju pubbliku u tagħmel parti integrali mill-proġett il-ġdid tal-Marsa Junction. Dawn ix-xogħlijiet se jitgawdew mill-eluf ta’ persuni li jivvjaġġaw fiż-żona kuljum. Din l-esebizzjoni hija opportunità biex wieħed jara l-abbozzi tax-xogħlijiet tal-arti proposti qabel l-installazzjoni tagħhom fi ħdan il-proġett tal-Marsa Junction.”

Filwaqt li dawn l-artisti jaħdmu fuq il-kreazzjonijiet artistiċi tagħhom, Infrastructure Malta u Fondazzjoni Kreattività qed jistiednu lill-pubbliku għall-wirja tal-mudelli ta’ dawn ix-xogħlijiet ta’ arti pubbliċi ġodda u 12-il sottomissjoni oħra tal-kompetizzjoni magħżula għall-proġetti ta’ toroq oħra f’Malta. Ikkurata minn Dr Christian Attard, il-wirja qed issir fi Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta, u se tkun qed tintwera sal-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2021.

Il-Wirja tal-Arti Pubblika tal-Marsa Junction Project hija miftuħa mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09:00 u d-21:00, u fi tmiem il-ġimgħa (is-Sibt u l-Ħadd) u festi pubbliċi bejn l-10:00 u d-21:00.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.