“Il-ħajja terġa’ lura għan-normal fix-xitwa tas-sena d-dieħla” – Il-moħħ wara l-vaċċin

Read in English.

Wieħed mill-imħuħ wara l-vaċċin tal-Covid-19 li jidher li hu l-aktar wieħed effettiv, Prof. Ugur Sahin, qal li l-ħajja se terġa’ lura għan-normal ix-xitwa tas-sena d-dieħla.

Il-ġurnal BBC irrapporta li skont Prof. Sahin, l-impatt tal-vaċċin se jibda jinħass fis-sajf, u mbagħad il-ħajja terġa’ lura għan-normal fix-xitwa. Din ix-xitwa diffiċli jinħass l-impatt peress li l-vaċċin mhux mistenni jagħmel wisq effett fuq l-għadd ta’ każijiet tal-coronavirus.

Ftit tal-jiem ilu, il-kumpaniji BioNTech u Pfizer ħabbru li minn analiżi preliminari, jidher li l-vaċċin tagħhom jista’ jaħdem fuq aktar minn 90% tan-nies, biex jipprevjenihom milli jaqbadhom il-Covid-19.

Meta kien intervistat fuq programm fuq il-BBC, Prof. Sahin qal li hu kunfidenti li l-vaċċin se jnaqqas it-trażmissjoni tal-virus bejn in-nies, u anke jwaqqaf lis-sintomi milli jiżviluppaw fost dawk li jkunu ħaduh.

Huwa stqarr li jekk kollox jibqa’ sejjer tajjeb, il-vaċċin ikun jista’ jitwassal fi tmiem din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla. L-għan tagħhom hu li jipprovdu 300 miljun doża sa April li ġej, biex jitqassmu madwar id-dinja.