Ix-xita mdendla…għal nhar l-Erbgħa

Il-mistennija xita minn ħafna bdiewa u raħħala fl-aħħar jidher li qiegħda fil-qrib.

Skont is-servizz FirstMalta, wara nixfa ta' aktar minn disa' ġimgħat, ix-xita hi mistennija nhar l-Erbgħa għall-ħabta ta’ nofsinhar, hekk kif ir-riħ jibda jonfoħ mil-Lvant b’veloċità massima ta’ 65 kilometru fis-siegħa. Madanakollu, it-temperatura hi prevista li tibqa’ mat-18-il grad Celsius.

L-istess servizz jgħid li l-ikbar possibilità ta’ xita qalila u tard waranofsinhar bejn il-5pm u s-6pm.  L-Erbgħa filgħaxija hemm possibilità ta' maltempata bir-ragħad u xita iżolata matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis.

Il-Ħamis filgħodu hi prevista xita bejn it-3am u s-7am, imma sas-1pm iċ-ċans li tagħmel ix-xita jonqos b’mod konsiderevoli. Riħ qawwi mistenni jilħaq Forza 9 l-Erbgħa u l-Ħamis.

Diċembru li għadda kien karatterizzat minn sħana mhux mistennija, xemx u 25% inqas mill-medja ta’ xita li tinżel matul dan ix-xahar.