Ix-xiri tal-elettriku skont il-liġi – Il-Gvern

Read in English.

Il-Gvern Malti saħaq li x-xiri tal-enerġija tal-elettriku permezz tal-interconnector qed isir skont il-qbil regolat bil-liġi. Fi stqarrija, il-Gvern kien qed jirreaġixxi għall-kummenti li saru mid-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi di Maio waqt programm televiż Taljan. Huwa qal li l-Italja ‘tati’ l-enerġija elettrika lil Malta.

Il-Gvern Malti saħaq li Malta tixtri l-enerġija mill-grid Ewropea b’rati kummerċjali minn diversi fornituri Ewropej li qegħdin fuq il-grid. Żied jgħid li l-ftehim dwar l-interconnector huwa skont regoli Ewropej u jispeċifika l-minimu u l-massimu ta’ enerġija li tittieħed u l-każijiet fejn dawn jistgħu jitnaqqsu.

Dwar il-kummenti ta’ di Maio dwar id-diżgwid bejn Malta u l-Italja fuq il-bastiment Aquarius, il-Gvern Malti qal li kien sorpriż bil-kummenti tiegħu u saħaq li f’dan il-każ mexa wkoll skont il-liġi internazzjonali.