Ix-xiri ta’ favuri sesswali: “att kriminali kontra d-drittijiet umani”

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa qed iħeġġeġ lill-Gvern biex jassigura li jkun hemm il-miżuri kollha neċċessarji li jipprovdu kull tip ta’ protezzjoni u sapport soċjali lill-vittmi tal-prostituzzjoni u biex jiddikjara x-xiri ta’ favuri sesswali bħala att kriminali li jmur kontra d-drittijiet umani.
Il-Kunsill qed jinsisti li għandu jkun hemm bidla fl-attitudni tal-Korp tal-Pulizija u għandu jkun hemm investigazzjoni aħjar tal-industrija tad-divertiment u r-rabtiet li jista’ jkun hemm mat-traffikar u l-esplojtazzjoni sesswali.
Nisa skjavi li lanqas jistgħu jħallu l-akkomodazzjoni li jingħataw
Il-Kunsill spjega kif ħafna Russi u nisa oħra mill-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa qed jispiċċaw jinqabdu fl-industrija tad-divertiment f’Malta u f’pajjiżi oħra minħabba “l-ħrafa” li fil-pajjiżi tal-Punent il-ħajja hija ħafna aħjar. Ħafna minn dawn ikunu fqar mingħajr l-ebda opportunità ta’ xogħol u għalhekk jispiċċaw jużaw id-dehra tagħhom biex jagħmlu l-flus malajr kemm jista’ jkun.
Il-Kunsill saħaq li meta jindunaw li nqabdu f’dan iċ-ċirku, ikun tard wisq u jispiċċaw skjavi, ħafna drabi lanqas biss jitħallew iħallu l-akkomodazzjoni li jingħataw. Jispjega kif ħafna minn dawn il-vittmi titteħdilhom il-viża, li tiskadi wara sitt xhur, biex lanqas biss jibqa’ traċċa tagħhom.
Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Gvern biex is-soċjetà ċivili tkun parti minn Task Force fejn jaqsmu flimkien l-esperjenzi għall-proċeduri aktar effettivi.
Sapport u għajnuna lin-nisa minflok legalizzazzjoni
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa qed jisħaq li flok il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni, ministeri u NGOs għandhom jaħdmu flimkien biex joffru sapport u għajnuna lil dawk in-nisa li minħabba ċirkostanzi diversi jinqabdu fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni.
Filwaqt li qed juri t-tħassib tiegħu għal fatt li reġa’ qajjem rasu d-dibattitu fuq il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni, il-Kunsill wera s-sodisfazzjon u s-sapport tiegħu għar-riformi proposti, biex jinbidlu l-proċeduri kif l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Korp tal-Pulizija jindirizzaw każijiet ta’ traffikar uman.
Dwar il-prostituzzjoni, il-Kunsill saħaq li jekk f’Malta dan ‘in-negozju’ jkun legalizzat, il-pajjiż se jkun qed jibgħat messaġġ li l-mara hija oġġett u li wieħed jista’ jixtri l-favuri sesswali tagħha.
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa qed jipproponi li ministeri u NGOs, jingħaqdu u joħolqu programm li joffri servizzi ta’ professjonisti, bħall-ħaddiema soċjali, psikologi, tobba, infermiera u anke professjonisti legali li jgħinu lil dawk li jinqabdu fil-prostituzzjoni. Spjega li dawn il-professjonisti jistgħu jifhmu ċ-ċirkostanzi tan-nisa, jipprovdulhom sapport, servizzi soċjali u tas-saħħa, edukazzjoni u taħriġ u inċentivi biex isibu xogħol, bil-għan li joħorġu minn dan iċ-ċirku.
Malta għandha tikkriminalizza lil min jagħmel użu mill-prostituti 
Il-Kunsill qed jipproponi wkoll li Malta, minflok tillegalizza l-prostituzzjoni, għandha taddotta l-mudell Żvizzeru li jikkriminalizza lil min jagħmel użu mill-prostituti.
L-istqarrija tisħaq li l-prostituzzjoni tradizzjonali u t-traffikar tan-nisa għall-esplojtazzjoni sesswali, jirrikjedu miżuri legali u infurzar tal-liġi differenti. Il-Kunsill iddeskriva bħala tal-mistħija l-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kellu jikkritika bl-aħrax lil Malta għax għadha lura fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Dwar it-Traffikar tan-Nisa u l-Esplojtazzjoni Sesswali.
“Miżuri aktar b’saħħithom biex ikun indirizzat it-traffikar uman”
Dwar it-traffikar tan-nisa, il-Kunsill laqa’ r-riformi proposti fuq il-proċeduri użati sa issa, fl-identifikazzjoni ta’ vittmi ta’ traffikar uman, qabel ma’ tibda l-prosekuzzjoni.
Saħaq li infurzar tal-liġi aktar b’saħħtu u pieni eħrax għal dawk involuti fit-traffikar uman u min qed jiffinanzja dawn l-attivitajiet huma ċ-ċavetta biex ikun eliminat dan l-iskjavitù modern.