​Ix-xiri mill-Gvern tal-ishma fil-BOV bil-flus mill-IIP imur kontra l-liġi – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li juża’ l-flus li daħlu mill-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment (IIP) biex jixtri ishma fil-Bank of Valletta tmur kontra l-liġi.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario de Marco qal li skont l-Avviż Legali 2/2015 il-fondi miġbura mill-IIP kellhom jintużaw għal 12-il skop speċifiku. Skont il-PN, l’ebda minn dawn l-iskopijiet ma jinkludu x-xiri tal-ishma (shares) mill-Gvern.
Fi kliem il-PN, minħabba dan l-użu tal-fondi, il-Gvern qed imur kontra l-liġi. Il-PN żied jgħid li l-kwistjoni hija aktar kumplessa minħabba li l-Gvern għandu interess qawwi fil-Bank, jaħtar liċ-Ċerpersin, u huwa shareholder sinifikanti fil-Bank.
Il-PN stqarr li l-Gvern iddefenda d-deċiżjoni li ttieħdet billi qal li skont il-liġi huwa obbligat li jsegwi inizjattivi għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri. Skont il-PN, din il-klawżola qiegħda hemm biex tippermetti l-iffinanzjar ta’ proġetti li jkollhom miri fit-tul.
Il-PN qal li l-Gvern żamm l-azzjoni li ħa moħbija mill-pubbliku. Il-PN żied jgħid li ma nħarġet l’ebda stqarrija mingħand il-Gvern jew il-BOV dwar dan.
Il-PN temm jgħid li qed isejjaħ lill-Gvern biex jippublika l-korrispondenza u d-dokumentazzjoni relevanti inkluż l-analiżi li saret biex ikun żgurat li l-fondi pubbliċi kienu se jintefqu bl-aħjar mod possibbli.
Il-partit temm jgħid li jekk il-Gvern ma jippubblikax id-dokumentazzjoni neċessarja, se jsejjaħ lill-Awditur Ġenerali biex jibda jinvestiga l-każ.
Il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali qal li dan l-investiment se jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri.
Fi stqarrija, il-Fond irrefera għal dawn ir-rapporti u qal li dawn qed jippruvaw jixħtu dubju fuq il-legalità tal-akkwist tal-Fond ta’ €150,000,000 isħma maħruġa mil-Bank of Valletta.
Il-Fond qal li dehrlu li investment f’ishma tal-akbar istituzzjoni finanzjarja  f’Malta li tibbenifika minn investment grade rating tajjeb kif ukoll li joffri ritorn ta’ investiment relattivament għoli fl-isfond tal-andament preżenti tas-suq, se jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibli fit-tul għall-beneffiċju ta’ ġenerazzjonijiet futuri. 
Il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali huwa aġenzija tal-Gvern stabbilit għall-iskop li jamministra 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet riċevuti mill-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta' Malta.