“Ix-xiri illegali tal-kannabis se jiżdied jekk il-liġi ma tinbidilx” – ReLeaf

Il-moviment favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu mediku f’Malta, ReLeaf, qal li iktar pazjenti ta’ mard kroniku se jduru lejn is-swieq illegali biex jixtru l-kannabis biex itaffu l-uġigħ, speċjalment jekk il-Gvern ma jpoġġix l-interessi tagħhom l-ewwel u qabel kollox meta jbiddel il-liġi attwali dwar l-użu mediku tal-kannabis taħt l-Att dwar id-Dipendenza tad-Droga.
Fi stqarrija, ReLeaf faħħar lill-Gvern talli rrikonoxxa l-bżonn li jiġi legalizzat il-kannabis għal skopijiet mediċinali u ta d-dritt tobba biex jużaw jew jordnaw prodotti magħmula mill-kannabis għall-pazjenti tagħhom.
Madankollu, ReLeaf spjega li wħud mill-miżuri msemmija fl-emenda tal-liġi attwali taħt l-Att dwar id-Dipendenza tad-Droga jmorru kontra l-għanijiet ewlenin tal-istess emenda.
Bħala eżempju, il-moviment semma l-proposta li kull riċetta tat-tabib tiġi approvata mis-Surpretendent tas-Saħħa; proposta li, fi kliemu, se żżid il-burokrazija u d-dewmien tal-proċess, minflok tnaqqashom.
ReLeaf ikkritika wkoll il-fatt li l-fjura tal-kannabis innifisha mhijiex ħa tkun disponibbli għall-pazjenti Maltin, iżda dawn se jkunu jistgħu jixtru biss prodotti magħmula minn estratti tal-kannabis.
Skont ReLeaf, pazjenti b’mard kroniku għandhom bżonn jikkunsmaw il-fjura nnifisha, permezz ta’ żjut u tejiet fost l-oħrajn, sabiex igawdu kemm jista’ jkun mill-propjetajiet tagħha li jtaffu l-uġigħ fi ftit sekondi.
ReLeaf temm javża lill-Gvern mill-ġdid li emendi bħal dawn se jaħdmu kontrieh, ladarba se jressqu lil iktar nies lejn is-swieq illegali biex jixtru l-prodotti li jeħtieġu, u li jekk l-emenda tgħaddi kif inhi bħalissa, il-progress se jkun sar biss bil-miktub, u mhux fil-prattika.