Ix-xiehda tal-martri Kattoliċi ssaħħaħna fil-fidi

Il-Papa jagħti ġieħ lill-martri Ġappuniżi

Waqt żjara li għamel fuq il-Monument tal-Martri f’Nagasaki, l-Papa Franġisku ddeskriva l-martri Ġappuniżi bħala memorja ħajja li għandha tkebbes l-Evanġeliżazzjoni fil-Ġappun.

Il-Papa qal li nġabru qrib dan il-monument li kien mar hemm bħala pellegrin biex jitlob u jġedded lill-Kattoliċi Ġappuniżi fil-fidi.

Il-Qdusija Tiegħu tkellem dwar il-figuri u l-ismijiet li kien hemm fuq il-monument, fosthom San Pawl Miki u nnota li dan il-mafkar ma jitkellimx biss fuq il-mewt.  Imma jitkellem ukoll fuq ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt.

Hu fakkar fil-predeċessur tiegħu, San Ġwanni Pawlu II u qal li dan il-post ma jaraħx biss bħala l-Għolja tal-Martri imma bħala veru Muntanja tal-Beatitudnijiet.

L-Evanġelju jirbaħ fuq il-persekuzzjoni

Il-Papa Franġisku enfasizza li kien hawn li “id-dawl tal-Evanġelju wera li l-imħabba tirbaħ fuq il-persekuzzjoni u x-xabla”.

Fuq kollox dan il-post hu monument għall-Għid, għax jgħajjat u jipproklama li l-aħħar kelma – minkejja kull xiehda bil-kontra – mhix tal-mewt imma tal-ħajja.

Ix-xiehda tal-martri, enfasizza l-Papa ssaħħaħna fil-fidi u tgħinna nġeddu l-impenn tagħna li nkunu dixxipli missjunarji li naħdmu biex noħolqu kultura li kapaċi tipproteġi u tiddefendi kull ħajja bil-“martirju” ta’ kuljum bil-ħidma fis-silenzju lejn kulħadd u speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Żjara umli

Il-Papa Franġisku qal li kien qed iżur dan il-Monument tal-Martri biex jagħti ġieħ lil dawn l-irġiel u nisa qaddisin.

“Iżda jien ġejt ukoll b’umiltà, bħala wieħed li hu stess, bħala Ġiżwita żagħżugħ minn tarf id-dinja, sab ispirazzjoni qawwija fl-istorja tal-ewwel missjunarji u martri Ġappuniżi”.

Hu wera t-tama li s-sagrifiċċju ta’ dawn il-martri ma jibqax biss bħala “relikwa glorjuża tal-passat… imma jkun memorja ħajja, ispirazzjoni għall-ħidma tal-apostolat u jħedded l-Evanġeliżazzjoni f’dan il-pajjiż”.

Il-Papa temm jgħid li “f’dan il-post aħna magħquda ma’ dawk l-insara madwar id-dinja li sal-lum għadhom qed isofru l-martirju għall-fidi tagħhom”. Ix-xhieda ta’ dawn il-martri tas-seklu 21 “issejħilna biex b’kuraġġ naqbdu t-triq tal-Beatitudnijiet”.