Ix-xhieda ta’ saċerdot Malti kruċjali fl-appell tal-Kardinal Pell

Qorti tal-Appell f’Melbourne l-Awstralja għada mistennija tagħti l-verdett fil-każ tal-Kardinal John Pell li appella minn sentenza ta’ sitt snin ħabs wara li kien instab ħati f’ġuri li abbuża minn żewġt itfal fl-1996 u l-1997.

Skont rapport f’diversi aġenziji tal-aħbarijiet li qed isegwu l-każ li kien qajjem kjass kbir fl-Awstralja u fil-Vatikan, fejn il-Kardinal kellu kariga importanti ħafna, is-sentenza tal-appell tiddependi minn jekk it-tliet imħallfin hux se jemmnu x-xhieda ta’ wieħed mill-vittmi jew dik ta’ Mons. Charles Portelli, saċerdot ta’ nisel Malti, li kien iċ-ċerimonjier tal-Kardinal Pell fiż-żmien inkwistjoni.

Min qed jakkuża lill-Kardinal, meta allegatament seħħ l-inċident, kellu 13-il sena u kien membru fil-kor tal-Katidral ta’ San Patrizju. F’dak iż-żmien il-Kardinal Pell kien iqaddes il-quddiesa tal-11.00 a.m. nhar ta’ Ħadd li fiha kien ikanta l-Kor tat-Tfal u Mons. Portelli kien ikun ċerimonjier jgħin lill-Kardinal.

Isqof qatt ma jitħalla waħdu

Regola antika tal-Knisja Kattolika tgħid li Isqof m’għandu qatt jitħalla waħdu meta jkun liebes ta’ Isqof.  Id-Difiża tal-Kardinal qed issostni li hu kien jidħol fis-Sagristija tal-Katidral biex jilbes u jinża’ l-ħwejjeġ sagri u dan dejjem kien jagħmlu bl-għajnuna ta’ almenu saċerdot ieħor li f’dan il-każ kien Mons. Portelli.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni sostniet li Mons. Portelli kien l-uniku xhud li qal li kien mal-Kardinal Pell fl-okkażjonijiet imsemmija u żiedet tgħid li kien hemm okkażjonijiet fejn Portelli ma akkumpanjax lill-Kardinal fis-sagristija.

Wieħed mill-koristi qal lill-Pulizija li Mons. Portelli kien l-id il-leminija tal-Kardinal Pell u kien dejjem ikun miegħu qisu l-“bodyguard” tiegħu.

Mons. Portelli xehed li fil-jumejn inkwistjoni hu kien mal-Kardinal fuq iz-zuntier jilqgħu u jkellmu lin-nies qabel jidħlu l-Knisja u għal xi 10 minuti oħra wara.  Iżda l-Prosekuzzjoni ddeskriviet din ix-xhieda bħala waħda maħsuba biex toffri alibi lill-Kardinal.

Portelli li twieled Malta u emigra lejn l-Awstralja xehed ukoll li kieku veru seħħ l-attakk fuq it-tifel tal-kor wara l-quddiesa fi Frar tal-1997, hu kien ikun f’pożizzjoni li jara dan l-attakk imma fil-fatt ma kien ġara xejn.

“Biex jagħmel dak li qed ikun akkużat bih, il-Kardinal Pell kien ikollu jimbuttani ‘l quddiem”.  Sostna li l-Kardinal huwa innoċenti.

Xhieda mżebilħa

Mons. Portelli qal li l-Prosekutur Mark Gibson ipprova jżeblaħ u jimmina l-kredibilità tiegħu kif għamel lix-xhud ta’ qablu, is-sagristan tal-Katidral li għandu 85 sena li fiż-żmien l-allegat reat kien responsabbli mill-kamra fejn ibiddlu l-qassisin fejn allegatament seħħ l-abbuż fuq il-korista.

“Ippruvaw ifixklu lis-sagristan b’ħafna dati u mistoqsijiet mhux rilevanti”, qal il-Monsinjur f’kumment fuq Sky Television.

Wieħed mill-prosekuturi akkuża lil Mons. Portelli li kien qed jgħin lid-Difiża billi jippretendi li ma jiftakarx kuntrarjament għal dak li għamel meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-avukati tal-Kardinal Pell.

Iżda hawnhekk, Bret Walker, l-Avukat tal-Kardinal Pell qal lill-Qorti tal-Appell li l-Prosekuzzjoni qatt ma qalet jew issuġġeriet lill-ġurati li Mons. Portelli kien qed jigdeb, li kien partiġġjan jew li ma kienx ta’ min jorbot fuqu.

L-avukat difensur sostna li “Mons. Portelli jixraqlu aħjar mill-mod kif ix-xhieda tiegħu kienet kritikata u mċekkna b’kuntrast mal-importanza kbira li għandha biex intom l-Imħallfin tkunu tistgħu tagħmlu ġudizzju indiġendenti”.

Mons. Portelli baqa’ jinsisti li fil-quddies meta suppost seħħew l-inċidenti hu kien il-ħin kollu mal-Kardinal Pell u għenu jilbes u jinża’ l-ħwejjeġ tal-Quddiesa.

Il-vittma vs Mons. Portelli

Fis-snin 90, meta allegatament seħħew il-każijiet li bihom hu akkużat il-Kardinal Pell, Mons. Portelli kien ipejjep ħafna.

Dan wassal lill-Prosekutur Gibson biex jissuġerixxi li l-Monsinjur seta’ ħareġ ftit barra l-knisja biex ipejjep u dan ta ċans lill-Kardinal jidħol fis-sagristija waħdu u jimmolesta lit-tfal. Iżda dan is-suġġeriment kellu jirtirah għax tul il-proċess qatt ma staqsa lill-Monsinjur jekk ħariġx ipejjep u ħalla lill-Kardinal waħdu għal xi ħin u quddiem il-Qorti ma tressqet ebda prova li dan seħħ.

Il-Prosekutur issottometta lill-Qorti tal-Appell li biżżejjed wieħed jara x-xhieda ta’ tmien siegħat tal-allegat vittma inkluż il-ħin tal-mistoqsijiet tad-Difiża tal-Kardinal, biex jara kemm kien kredibbli. “Il-Qorti trid tikkunsidra dak kollu li għandha quddiemha, mhux biss kif xehed il-vittma jew jekk kienx kredibbli”.