Qatt ma ddeċidejna dwar push-backs – Schembri

Aġġornat 03:42 PM
Neville Gafa

Read in English.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li waqt laqgħat tal-Kabinett, huma qatt ma ddeċidew dwar push backs. Qal li huma kienu ddiskutew u qablu biss dwar fejn għandhom jiġu investiti r-riżorsi tal-pajjiż.

Hu kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li lbieraħ, Neville Gafà kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li kien xehed bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Maġistrat Mifsud qed imexxi l-inkjesta mitluba mill-għaqda Repubblika dwar ir-rifjut tal-Gvern Malti li jdaħħal fil-portijiet ta’ Malta immigranti li kienu fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.

Fir-risposta tiegħu dalgħodu, Schembri qal li l-ġlieda tal-pandemija tal-coronavirus s’issa kienet suċċess għax kulħadd ġibed ħabel wieħed. Qal li minkejja li dejjem imxew mal-obbligi internazzjonali, f’dan il-mument partikolari hemm bżonn li r-riżorsi tal-pajjiż tkun iddedikata biex tiġġieled il-pandemija.

“Ix-xhieda ta’ Neville Gafà tikser is-silenzju tal-gvern” – Repubblika

L-NGO Repubblika sostniet li x-xhieda ta’ Neville Gafà qed tikser is-silenzju tal-gvern b’rabta mal-push-backs illegali ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil u jiġu ritornati lura f’pajjiżhom minn fuq il-baħar.

Repubblika qalet li din id-dikjarazzjoni ta’ Gafà hija waħda xokkanti. Qalet li din id-dikjarazzjoni takkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jordna azzjonijiet li jiksru l-obbligi ta’ Malta taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Qalet li dawn l-obbligi jinkludu li l-istat Malti jħares il-ħajja, hi ta’ min hi u li ma jagħmel xejn li jġiegħel lil xi persuna tispiċċa trattata b’mod inuman.

Repubblika qalet li qed tistenna li dawn l-akkużi jiġu investigati fil-fond u jittieħdu l-passi meħtieġa kollha skont dak li jirriżulta.

“Dak li xehed Neville Gafà jfisser li l-gvern aġixxa barra l-liġi Maltija u internazzjonali – b’kompliċità u bi ftehim sigriet m’aġenti akkużati konsisentenment min-Nazzjonijiet Uniti bi ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem. Din mhux l-imġieba ta’ stat demokratiku li jirrispetta s-saltna tad-dritt,” insistiet Repubblika. Hi sejħet għal inkjesta pubblika u indipendenti biex tistabilixxi l-fatti.

Repubblika esprimiet żewġ dispjaċiri, l-ewwel waħda għall-vittmi tad-deċiżjonijiet tal-gvern ta’ Malta u t-tieni waħda li ma nżammitx il-wiegħda li l-gvern jissottometti ruħu għas-saltna tal-liġi u jibda jnaddaf ir-reputazzjoni ta-pajjiż. “Il-katavri tal-vittmi tal-aġir illegali tal-gvern tagħna qed jiżdiedu,” qalet Repubblika.

Min-naħa tiegħu, Stephen Grey, il-korrispondent speċjali tal-ġurnal Reuters, fi Tweet xerred l-artiklu ta’ Newsbook.com.mt fejn qal li dak li qal Gafà huwa sorprendenti.

X’qal Neville Gafà lil Newsbook.com.mt?

“Nikkonferma li matul il-lejl tal-Għid il-Kbir u l-jiem sussegwenti, kont involut f’missjoni sabiex dgħajsa b’51 immigranti irregolari abbord, fosthom 8 nisa u tlett minuri, jiddaħħlu fil-port ta’ Tripoli. Fuq l-istess dgħajsa kien hemm ukoll 5 kadavri,” qal Gafà lil Newsbook.

Spejga li ħa ħsieb ukoll biex dgħajsa bi 30 tunnellata b’ikel u xorb titwassal sal-port ta’ Tripli.

“Ħadt ħsieb ukoll li din id-dgħajsa partikolari ma tkunx ta’ mira għal xi attakk mill-ajru,” qal Gafà.

Diżgustati li l-Gvern ma qalx x’relazzjoni għandu ma’ vapuri privati li qed jirritornaw l-immigranti – NGOs

Diversi NGOs Maltin qalu li jinsabu diżgustati kif il-Gvern ma għamel l-ebda attentat biex jispjega r-relazzjoni tiegħu ma’ bastimenti tas-sajd privati li qed jirritornaw immigranti minn fuq il-baħar lejn il-Libja.

L-NGOs għamlu referenza għal dak li qal Gafà lbieraħ meta kkonferma il-koordinazzjoni ta’ push backs illegali taħt struzzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-NGOs qalu li l-Gvern jaf tajjeb wisq li r-ritorn tal-immigranti lejn il-Libja huwa ksur tal-liġi internazzjonali kkonfermata minn digriet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani fl-2013 kontra Malta. L-NGOs qalu li wieħed jipprova jevita dawn l-obbligazzjonijiet billi jingaġġa bastimenti privati ma jfissirx li Malta nħafrula r-responsabbiltajiet legali u morali.

Huma ħeġġew lill-Gvern sabiex jipprovdi informazzjoni ċara u regolari dwar l-azzjonijiet li tieħu l-Forzi Armati ta’ Malta fejn jidħlu t-62 immigrant li bħalissa jinsabu f’żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. Huma qalu li qed jistennew li l-Gvern jikkjarifika wkoll ir-relazzjoni li għandu mas-sid ta’ Dar al Salam 1, li qabel kienet magħrufa bħala Mae Yemenija, partikolarment jekk din kelliex struzzjonijiet ġejjin mill-Gvern Malti fejn jidħlu wħud mill-gruppi ta’ immigranti sfurzati lura l-Libja bl-użu tagħha.

Id-dikjarazzjoni ġiet iffirmata minn aditus foundation, Alarm Phone, Allied Rainbow Communities, Association for Justice, Equality and Peace, Blue Door English, The Daphne Caruana Galizia Foundation, Department for Inclusion and Access to Learning, Doctors for Choice Malta, Great Oak Malta Association, Integra Foundation, Jesuit Refugee Service Malta, Kopin, Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, LGBTI+ Gozo, Malta Emigrants’ Commission, Malta House of Prayer Foundation, Malta Humanist Association, Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM), Migrant Women Association Malta, Moviment Graffitti, Office of the Dean – Faculty of Education , Office of the Dean – Faculty for Social Wellbeing, The People for Change Foundation, Repubblika, SOS Malta, Spark 15 u Women’s Rights Foundation.

“Ikkonferma jew iċħad dak li qal Gafà” – PN lill-PM Abela

Tliet kelliema tal-Partit Nazzjonalista sejħu lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex pubblikament jikkonferma jew jiċħad dak li qal Neville Gafà.

Il-PN sostna li jekk dak li stqarr Neville Gafà huwa minnu, l-aġir tiegħu u tal-Prim Ministru Robert Abela jammonta għal ksur tal-Liġi Internazzjonali li l-pajjiż huwa obbligat li josserva. Aġir li ddeskrivewh bħala “immorali” u “illegali”. Huma qalu li l-aġir li ddeskriva Neville Gafà qed ikompli jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li fl-aħħar snin qalet daqqa wara l-oħra taħt Gvern Laburista, u b’hekk diġà tinstab f’qagħda viċin li tkun irreparabbli.

L-istqarrija ġiet iffirmata mill-MPs Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Carm Mifsud Bonnici.