Ix-xhieda ta’ Casa: Delia ‘sodisfatt’; Casa jispjega

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia laqa’ b’sodisfazzjon ix-xhieda tal-MEP David Casa minħabba li qal li m’għandux provi dwar l-allegazzjoni li Yorgen Fenech ħallas lill-PN biex hu ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet. Casa qal li billi m’għandux provi għandu ma jfissirx li l-att ma sarx.

Fl-istess waqt li ħarġet din l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista, Newsbook.com.mt rċieva stqarrija oħra mill-ħbieb ta’ Adrian Delia mibgħuta minn Andre Grech. Fiha ntqal li din hija “kampanja qarrieqa u maħmuġa minn wara dahar il-Kap tagħna Adrian Delia maħdmuma mill-klikka tad-Deputati elitisti, li jriduha tal-1st Tier, b’kompliċità mal-midja biex iħammġu r-reputazzjoni tal-Kap tal-PN”.

Dwar l-allegazzjoni li Yorgen Fenech ħallas lill-PN biex Casa ma jerġax jiġi elett, Delia qal li n-nuqqas ta’ provi “ssaħħaħ u tikkonferma dak li diġa’ għedt bl-aktar mod assolut u kategoriku fl-affidavit ikkonfermat bil-ġurament fejn ċħadt l-allegazzjonijiet foloz kollha li saru fil-konfront tiegħi”. Dwar l-inkjesta pubblika, Delia qal li din hija inkjesta dwar “assassinju li heżżeż is-sisien demokratiċi ta’ pajjiżna”. Huwa ħeġġeġ biex titħalla timxi bl-aħjar mod possibbli biex toħroġ il-verità kollha biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, l-familja, l-pajjiż kollu.

Fi stqarrija, Delia ċċara wkoll li huwa m’għażilx lil Casa bħala Kap tad-Delegazzjoni minħabba li Roberta Metsola ġabet aktar voti minnu.

“Il-provi mhux għandi, ma jfissirx li l-att ma sarx” – Casa

Intant fi stqarrija Casa qal li l-allegazzjoni li tħallsu €50,000 lil Adrian Delia minn Yorgen Fenech saret minn nies viċin Yorgen Fenech u li saret minn 3 individwi differenti.

Saħaq li huwa qatt m’għamel din l-allegazzjoni għax il-provi mhumiex qegħdin għandu. Spjega li minkejja li l-provi mhux qiegħdin għandu ma jfissirx li l-att ma sarx. “Jekk ħalliel jidħol f’dari u jisraq l-affarijiet, u jien ma nkunx rajtu, ma jfissirx li s-serqa ma saritx”, sostna Casa.

Dalgħodu Casa kompla jixhed fil-magħluq u qal ukoll li l-ġimgħa li għaddiet deher quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke u ta x-xhieda tiegħu dwar dan.

Temm jgħid li “tagħmlu x’tagħmlu u tikkonfoffaw kemm tikkonfoffaw, il-ħidma tiegħi kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus se tibqa’. Għax jien il-lealtà tiegħi hi lejn pajjiżi”.