“Ix-xhieda ta’ Camilleri xxejjen dak li qal il-Ministru Scicluna” – PN

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario De Marco sostna li kontra l-impressjoni li pprova jagħti ftit tal-ġranet ilu, l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien involut u ta l-kunsens tiegħu f’għadd ta’ deċiżjonijiet skandalużi meħuda mill-Gvern Laburista fl-aħħar snin.

L-MP tal-Partit Nazzjonalista sostna dan b’rabta ma’ dak li ħareġ mix-xhieda li ta s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, Alfred Camilleri fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kompliet il-Ġimgħa filgħodu.

Camilleri spjega kif id-deċiżjonijiet ewlenin li kellhom impatt ta’ natura finanzjarja kienu jittieħdu mill-Kabinett kollu, u kienu jsiru diskussjonijiet regolari bejn Scicluna u l-Ministri konċernati fil-proġett partikolari. Fil-każ tal-power station, kien hemm saħansitra laqgħat bejn il-Ministru Konrad Mizzi u Edward Scicluna.

Mario De Marco qal li din ix-xhieda xxejjen dak li qal il-Ministru tal-Finanzi.

Waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika, Alfred Camilleri qal kif ma ridux jagħtu garanziji bankarji lill-Enemalta u li hu qatt ma ddiskuta garanziji bankarji mal-Electrogass. Sostna li meta kien ikollu laqgħat mal-eks Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna dejjem kien preżenti.

Hu sostna wkoll li t-tneħħija ta’ Konrad Mizzi milli jmexxi l-proġett tal-Electrogas kienet deċiżjoni politika.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi sostna li dan juri kemm ma treġix id-difiża ta’ Edward Scicluna li pprova jagħti x’jifhem li ma kellux vuċi “fid-deċiżjonijiet skandalużi” meħuda mill amministrazzjoni Laburista.

“Ta’ min ifakkar li Scicluna ma ddejjaq xejn jargumenta li ħassu “skomdu” jivvota kontra dawn id-deċiżjonijiet għaliex diġà kien tilef salarju ta’ Membru Parlamentari Ewropew biex joħroġ mal-Partit Laburista fuq livell nazzjonali,” qal Mario De Marco li temm l-istqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista li jekk il-Ministru Scicluna verament issa qed iħossu skomdu bid-deċiżjonijiet li hu kien parteċipi fihom, għandu jerfa’ u jassumi r-responsabbilità politika.