“Ix-xhieda ma tingħatax billi niddettaw lis-soċjetà x’liġijiet jew riformi għandha tagħmel”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, fl-omelija tiegħu tal-ewwel tas-sena, awgura li kull Nisrani adult jħoss ir-responsabbilità li huwa missjunarju li jfittex li jagħti xhieda tal-Vanġelju.
Hawn, Monsinjur Grech, saħaq li l-Knisja trid toqgħod attenta fejn tapplika l-enerġija tagħha. Fi kliemu x-xhieda ma tingħatax billi noqgħodu nikkundannaw lis-soċjetà, nikkritikaw l-operat tagħha u lanqas li “niddettawlha x’liġijiet jew riformi għandha tagħmel jew ma tagħmilx.”
“Is-soċjetà li qed temarġina lil Alla ma tridx lil min joqgħod jagħtiha lezzjonijiet f’isem Alla; imma aħna li nemmnu, inkunu nagħtu servizz lis-soċjetà lajka jekk ngħinuha tintebaħ li Alla qiegħed proprju fejn mhux magħruf jew mhux meħtieġ,” saħaq Monsinjur Grech.
Ikkwota lit-teologu André Fossion, li kien qal li l-Knisja trid taċċetta u tirrikonċilja ruħha ma’ soċjetà anjostika u kważi ateista. “Dan jgħodd għall-Knisja f’pajjiżna wkoll,” saħaq Monsinjur Grech.
L-Isqof Grech bena l-messaġġ tiegħu tal-ewwel tas-sena fuq dak li qal Santu Wistin: “il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla.”
Huwa qal li hawn ħafna fis-soċjetà tagħna li għandhom “ħalqhom fix-xgħir.” Fi kliemu, dan huwa riżultat tal-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb iżda staqsa jekk dan hux biżżejjed biex jiżgura l-kuntentizza.
“Hawn min, għalkemm ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, għandu dejjem subgħajh f’rasu għax ma jafx x’għandu jagħmel biex ikollu l-paċi f’qalbu!” saħaq l-Isqof Grech. “Jien konvint li daqskemm f’moħħna jitqanqlu mistoqsijiet dwar x’ser nagħmlu biex fl-aħħar tal-ġurnata jkollna l-kartieri mimlija, daqstant ieħor ikun itektek b’mistoqsijiet dwar Alla.”
L-Isqof saħansitra qal li dan jgħodd ukoll għal min huwa ateu. Ikkwota lill-filosfu André Comte-Sponville meta jgħid li “l-bniedem jista’ jgħaddi mingħajr reliġjon imma mhux mingħajr il-komunjoni mal-oħrajn, il-fedeltà u l-imħabba.” Spjega li l-bniedem li jixxennaq biex jgħix ħajja bis-sens, indirettament qed jixxennaq għal Alla.
Waqt li qal li huwa jifhem li d-diskors dwar Alla mhux faċli, awgura li titkebbes fil-bniedem ix-xrara, anki jekk ċkejkna, li titfa’ dawl fuq il-misteru ta’ Alla.
“F’kull bniedem hemm “il-ġamar” min-nar ta’ Alla – biżżejjed żiffa ħelwa fuqu biex dan jerġa’ jaqbad!” saħaq Monsinjur Grech.