Ix-xemx tistaħba wara sħab griż għal din il-ġimgħa

Skont bassara indipendenti tat-temp, għal din il-ġimgħa jidher li x-xemx se tkun qed tistaħba wara s-sħab griż.

Il-bassara indipendenti tat-temp, Malta Weather ħabbret fuq Facebook li matul din il-ġimgħa għandna nistennew temp aktar frisk b’temperatura kiesħa li f’xi waqtiet se tinħass daqs 9 gradi Celsius. Nistgħu nistennew ukoll ħalbiet tax-xita li xi drabi jistgħu anke jkunu bir-ragħad, kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex. Malta Weather spjegat li dan kollu se jiġri hekk kif arja aktar kiesħa se tkun qed tidħol fiċ-ċentru tal-Mediterran.

COOLER temperatures and RAIN this week! Happy? 😱🌧⛈☔️💦🥶 This week we're expecting COOLER weather with temperatures…

Posted by Malta Weather on Sunday, April 19, 2020

Similarment, l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wkoll qed ibassar ġimgħa ta’ temp griż u xita. Jidher li x-xemx mistennija titfaċċa f’xi ħinijiet nhar l-Erbgħa u nhar il-Ħamis, iżda mbagħad mistennija tiżreġ xi ftit aktar nhar il-Ħadd. Intant, matul il-bqija tal-ġimgħa hemm possibilità akbar ta’ xita u ħalbiet iżolati.

Propju għal-lum, hemm twissija fis-seħħ li hija valida sa nofsinhar li tgħid li r-riħ li ġej mix-Xlokk il-Lvant se jkun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel fil-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tista’ tiġġedded skont kif hemm bżonn.