Ix-xelters tal-Gwerra fix-Xewkija jinfetħu mill-ġdid

Ix-xelters tal-gwerra fix-Xewkija reġgħu raw id-dawl hekk kif issa nfetħu għall-pubbliku bħala parti mill-proġett ta’ tisbiħ li sar fi Pjazza San Ġwann Battista.
Issa din il-pjazza tinkludi wkoll faċilitajiet pubbliċi ġodda b’aċċessibiltà komda permezz ta’ lift, apparti x-xogħol ta’ tisbiħ.
Dawn ix-xelters se jkunu qed iservu bħala attrazzjoni turistika oħra ġewwa Għawdex u jistgħu jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu.
Waqt l-inawgurazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li dan il-proġett huwa l-uniku wieħed tat-tip tiegħu, għax bl-installazzjoni tal-lifts, dawn il-faċilitajiet fil-pjazza se jkunu aċċessibli b’mod komdu minn persuni b’diżabbiltà, anzjani kif ukoll ġenituri bit-tfal.
Min-naħa tagħha is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana fakkret fil-Politika u Strategija Nazzjonali għall-Persuni b' Diżabilita, li kull proġett għandu jagħti kas.
Temmet tfakkar ukoll li dan il-proġett ġie ppreżentat bħala mudell ta' komunitajiet aċċessibbli f'laqgħa li saret fil-Ġnus Magħquda fi New York.