Ix-xatt tas-Sliema mill-ġdid bil-parkeġġ bil-ħin

Transport Malta waħħlet tabelli ġodda li juru li dawk mhumiex residenti Tas-Sliema jistgħu jipparkjaw f'ċertu partijiet tax-xatt ta' Tas-Sliema għal mhux iktar minn 60 minuta.Għandhom ukoll jagħmlu l-arloġġ tal-parkeġġ.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku ta' Tas-Sliema Anthony Chircop li qal li l-Kunsill qatt ma ġie kkonsultat dwar dan it-tibdil. 
Spjega li qabel ma sar ix-xogħol fuq il-promenade madwar sena u nofs ilu, fix-xatt ta' Tas-Sliema kienet qed tiġi adottata din is-sistema, u li wara li tlesta l-proġett, is-sistema ma reġgħetx ġiet introdotta. Madanakollu żied jgħid li skont l-Avviż Legali tal-2009, il-Kunsill tas-Sliema seta' jintroduċi skema ta' parkeġġ għar-residenti fil-maġġor parti tal-lokalità. Sostna li l-Gvern ħareġ Avviż Legali ieħor fl-2013 biex ineħħi dak li kien ikopri parkeġġi bil-ħin u li s-sistema li kienet ġiet adottata mill-kunsill aktar kmieni fl-istess sena, kellha tiġi rtirata.  
Is-Sindku qal li din l-iskema tneħħiet biss f'Tas-Sliema u għadha qed titħaddem f'lokalitajiet oħra.
Sadanittant, ilbieraħ filgħaxija John Pillow, Kunsillier f'Tas-Sliema kiteb fuq Facebook u qal li minkejja li hu mhux kontra l-parkeġġ bil-ħin, spjega li ma jistax jifhem kif din is-sistema tneħħiet u reġgħet ġiet introdotta fix-xatt biss. Sostna li dan mhux ġust mar-residenti f'partijiet oħra ta' Tas-Sliema. 
Newsbook.com.mt huwa nfurmat li l-Ministeru tat-Trasport dalwaqt se jħabbar ir-riżultati li ħarġu minn studju nazzjonali li jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar sistemi ta' parkeġġ. 

Ritratt: Arkivji