Ix-xandir nazzjonali Awstraljan akkużat li qed ikun żbilanċjat kontra l-Knisja Kattolika

Investigazzjoni li saret mill-Australian Broadcasting Corporation dwar il-vjolenza domestika fil-Knisja Kattolika sabet kritika qawwija kemm mill-knisja kif ukoll mill-grupp ta’ monitoraġġ tal-programmi tal-istess Korporazzjoni.
Il-preżentatutur tal-programm “Media Watch”, Paul Barry qal li għalkemm ma kienx konvint li l-istazzjon kien qed jagħmel gwerra fuq il-Kristjaneżmu, kif xi ħadd akkużah li qed jagħmel, il-mod kif  trattati ċerti kwestjonijiet ħassar għal kollox l-iskop tal-investigazzjoni.
L-investigazzjoni li damet sejra sena, tmexxiet minn Julia Baird, preżentatriċi oħra tal-istess stazzjoni televiżiv. Baird hi ta’ fidi Anglikana u fix-xogħol tagħha sabet li rġiel insara li jattendu l-knisja meta jfettlilhom u mhux b’mod regolari kien l-aktar li jsawwtu lin-nisa tagħhom.
Il-preżentatriċi xandret intervisti ma’ nisa vittmi ta’ vjolenza domestika li qalu li t-tagħlim tal-knisja kien użat biex jiġġustifika l-abbuż kontinwu li kien qed isir fuqhom. Il-programm ikkwota riċerka li saret fl-Amerika u mhux fl-Awstralja li turi li rġiel protestanti li ma jattendux knisja regolarment aktarx kienu jsawwtu lill-mara iżda ma semmiex parti oħra tal-istess riċerka li turi li dawk li jmorru l-knisja regolarment ma jabbużawx.
Il-mexxejja tal-Knisja kienu ħorox ħafna fil-kritika tgħhom għal dan il-programm bl-Arċisqof ta’ Brisbane jgħid li “l-istazzjon hu antagonista u żbilanċjat kontra l-Knisja Kattolika u talab biex ikun hemm rappurtaġġ onest u veru dwar “il-vera Awstralja”. Hu qal li l-Australian Broadcasting Corporation trid tivvaluta mill-ġdid l-iskopijiet tagħha bħala xandar nazzjonali għax naqset milli tgħid l-istorja vera tal-Knisja Kattolika fil-pajjiż.
Il-Vigarju Ġenerali ta’ Paramatta Fr Peter Williams qal li l-istazzjoni kien bagħtlu numru ta’ domandi li hu wieġeb immedjatament iżda dawn kienu injorati u minnhom ma ssemma xejn fil-programm.
Il-Korporazzjoni ċaħdet l-akkużi kontriha u qalet li ma għandha ebda gwerra kontra l-Knisja Kattolika.