Ix-xahar tal-awtiżmu ċċelebrat mid-Dipartiment tat-Taħdit u l-Lingwa

Id-Dipartiment tat-Taħdit u l-Lingwa qed iżomm l-appuntament annwali tiegħu b’żewġ attivitajiet għal tfal bl-awtiżmu u l-ġenituri tagħhom.
Dan hekk kif April huwa x-xahar iddedikat għall-kundizzjoni tal-awtiżmu, u l-isfidi li ġġib magħha. F’dan ix-xahar, wieħed hu mbuttat jaħseb f’metodi li jħaffu l-aċċettazzjoni ta’ dawn il-persuni fil-komunità.
Id-Diviżjoni Speċjalizzata għall-Wesgħa tal-Kundizzjonijiet tal-Awtiżmu (ASD), fi ħdan id-dipartiment imsemmi, qed jistieden lill-ġenituri, il-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħra bl-awtiżmu, u finalment lill-persuni bl-awtiżmu sabiex magħhom jiddiskutu s-servizzi li preżentament jingħataw.
It-tfal huma mħeġġa jġibu magħhom ix-xogħol li jħobbu jagħmlu, u dak li jingħatalhom fis-sessjonijiet li jkollhom, filwaqt li se jkun hemm logħob relatat mal-Għid, fosthom it-tiftixa għall-bajda tal-Għid.
Dan l-avveniment se jittella’ nhar il-15 t’April, bejn id-9am u l-11am fid-dipartiment ta’ Ħal Luqa.
Imbagħad se jkun hemm ukoll l-ASD 7-day Challenge, li se jibda t-Tnejn l-għada tal-Għid.
Il-ġenituri u anki t-tfal u l-persuni bl-awtiżmu jistgħu jikkummentaw bil-Facebook xi kisba jew storja ta’ suċċess dwar is-suġġett tal-ġurnata, li mbagħad tiġi ppostjata mid-dipartiment fil-paġna The Speech Language Department #7dayasdchallenge.
Għal aktar informazzjoni, ċempel lid-Dipartiment fuq 21230822 jew ibgħat imejl hawnhekk.