Ix-xahar li għadda bl-iksaħ lejl f’Diċembru fl-istorja

Min ħass il-bard, ix-xahar li għadda, kellu raġun!
Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, it-temp f’Diċembru kien wieħed kemmxejn stramb.
L-aħħar lejl tas-sena ġab l-inqas temperatura li qatt ġiet irrekordjata f’Malta għal Diċembru, meta l-kolonna tal-merkurju mmarkat biss 2.8°C.
Għalkemm hi d-doppju tal-inqas temperatura qatt irreġistrata f’Malta – 1.4°C fid-29 ta’ Jannar tal-1981 – Diċembru ġab ukoll il-borra fuq l-aħħar jumejn tas-sena.
Il-jum tal-31 ta’ Diċembru fisser ukoll it-tieni l-iksaħ jum ta’ Diċembru li qatt kellha Malta, b’temperatura ta’ 7.7°C.
Imma għalkemm forsi llum mhux la kemm titwemmen, Diċembru beda b’temperatura ta’ 22.9°C, u b’mod ġenerali kellu medja ta’ 14.9°C, li huma 0.6°C ogħla mis-soltu.
B’kollox, ix-xahar li għadda niżlet 150 millimetru ta’ xita, u kien hemm sitt ijiem ta’ maltempati, tlieta minnhom bis-silġ. Dan ifisser li niżlet iktar xita u iktar silġ mill-medja għal dan ix-xahar.
Fl-istess ħin, il-baħar żamm iktar sħun mis-soltu, b’temperatura ta’ 19.1°C meta s-soltu jilħaq jinżel għal taħt it-18°C. Malta gawdiet nofsiegħa iktar xemx mis-soltu waqt li r-riħ kien fil-parti l-kbira ħafif.
Ritratt: Jonathan Agius