Ix-xaħam tal-annimali se jħaddem impjant fil-Marsa

Faċilità għall-ipproċessar tal-iskart tal-annimali ġiet inawgurata mill-WasteServ, fil-Marsa.
B’din il-faċilità, li tiswa €12-il miljun u parzjalment kofinanzjata mill-fondi Ewropej, se jitnaqqas l-użu tal-inċineratur tal-Marsa, se jtejjeb l-immaniġġjar tal-iskart, se jonqsu l-irwejjaħ u t-tniġġis, u se jkun hemm inqas użu ta’ enerġija u fuel.
Il-faċilità se tkun qed tirċievi l-fdalijiet tal-annimali mill-biċċerija, li jammontaw għal 6,000 tunellata fis-sena, kif ukoll l-iskart tal-annimali.
B’dan l-impjant se jsir tnaqqis fl-użu tal-fuel li l-inċineratur jiddependi fuqu għaliex bil-proċess tal-Autoclave, l-estrazzjoni tax-xaħam tal-annimali se tintuża bħala fuel. F’dan il-proċess se jiġi utilizzat ukoll l-ikel skadut qabel dan jittieħed għal aktar trattament fl-impjant tar-riċiklaġġ f’Sant’Antnin.
L-enerġija li se toħroġ minn dan l-impjant se tintuża biex joħroġ ilma sħun li jista’ jintuża għall-ħasil.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern qed jikkommetti ruħu biex inaqqas l-emmissjonijiet hekk kif b’dan il-proġett se jitnaqqsu b’5%.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neil