Ix-Shutdown qed jikkaġuna tbatija lil ħafna familji

Ix-Shutdown impost mill-President Donald Trump li minħabba fih eluf ta’ impjegati tal-istat Amerikan mhux qed jaħdmu u allura m’humiex jirċievu paga, qed joħloq tbatija lil ħafna familji.
Dan wassal lill-Konferenza Episkopali Amerikana biex toħroġ stqarrija li fiha qed titlob lill-President Amerikan u lid-Deputati Amerikani biex iżidu l-isforzi tagħhom u jippruvaw jilħqu ftehim biex jieqaf ix-shutdown li issa ilu għaddej aktar minn xahar.

L-għeluq ta’ diversi dipartimenti u postijiet oħra tal-Gvern hu riżultat ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-White House kontrollata minn Donald Trump mill-Partit Republikan u l-Kungress b’maġġoranza ta’ deputati Demokratiċi dwar il-finanzjament ta’ ħajt fuq il-fruntiera mal-Messiku li Trump qed jinsisti li jibni.  Barra minn dan il-ħajt Trump irid jibdel numru ta’ liġijiet biex ineħħi l-protezzjoni legali lil diversi immigranti illegali.

Il-Kungress, b’maġġoranza ta’ deputati mill-Partit Demokratiku la jrid japprova flus biex jinbena l-ħajt u hu wkoll kontra li jinbidlu l-liġijiet tal-emigrazjoni. B’riżultat ta’ din it-tilwima il-Gvern għamel shutdown parzjali u żamm il-flus għal numru ta’ servizzi, u għalhekk il-ħaddiema li jipprovdu dawn is-servizzi mhux imorru għax-xogħol għax l-uffiċċji huma magħluqa u allura mhux jitħallsu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kardinal Daniel DiNardo, President tal-Konferenza Episkopali l-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani appellaw lill—President Trump u lill-membri tal-Kungress biex iwaqqfu ix-shutdown.

Hemm bżonn li tinstab soluzzjoni li tirrikonoxxi t-taqbida ekonomika li ħafna familji ta’ impjegati tal-Gvern għaddejjin minnha u li laħqet ukoll lil dawk li jirċievu għajnuna minn programmi ta’ ikel u housing.

L-Isqfijiet qalu li huma japprezza il-provvedimenti temporanji offruti lit-tfal ta’ emigranti u appellaw lill-Gvern biex jestendi l-protezzjoni permanenti lil tfal li waslu fl-Istati Uniti b’mod illegali flimkien mal-ġenituri tagħhom. Ħafna minn dawn it-tfal u żgħażagħ emigranti huma membri ta’ parroċċi Kattoliċi fl-Istati Uniti.

“Fil-parroċċi tagħna hemm numru ta’ żgħażagħ li huma ħielsa mid-deportazzjoni u oħrajn li għandhom status temporanju ta’ protezzjoni li għexu partijiet sostanzjali minn ħajjithom fl-Amerika u taw kontribut lill-pajjiż bil-ħidma tagħhom.

“Aħna nafu u nifhmu l-biża’ li għaddejin minnu bħalissa huma u l-familji tagħhom hekk kif il-protezzjoni tagħhom skont il-liġijiet tal-emigrazzjoni huma mdendla u jistgħu jispiċċaw. Il-ħelsien temporanju mhux se jnaqqas din il-biża’ u anqas iwaqqaf l-ansjetà li għandhom.

Fl-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet komplew jgħidu li għal din ir-raġuni ilhom ħafna “jappellaw għal riforma komprensiva fil-qasam tal-emigrazzjoni li tipprovdi soluzzjonijiet permanenti, fosthom is-sigurtà tal-fruntieri, protezzjoni għat-tfal mhux akkumpanjati u dawk li qed ifittxu ażil, u sistema definita għall-kisba taċ-ċittadinanza biex ħutna l-emigranti jkun jistgħu jikkontribwixxi b’mod sħiħ għas-soċjetà.”