Ix-Shutdown mhux se jfixkel il-Mixjiet Favur il-Ħajja

Il-Marċ Favur il-Ħajja li sar f'Washington is-sena li għaddiet
Bħalissa madwar l-Istati Uniti kollha qed isiru preparazzjonijiet għal Mixjiet Favur il-Ħajja li se jkunu organizzati f’diversi stati fl-okkażżjoni tal-45 anniversarju minn sentenza kontroversjali tal-Qorti Suprema Amerikana li ppermettiet l-abort. Il-Mixjiet isiru biex in-nies jipprotestaw kontra din is-sentenza fl-istess waqt li jippromwovu l-ħajja.
Fil-kapitali Amerikana, Washington, il-Marċ Favur il-Ħajja se jsir nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar u l-organizzaturi huma determinati li jħajjru eluf ta’ persuni favur il-ħajja biex jieħdu sehem, irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp u l-fatt li l-amministrazzjoni tal-pajjiż tinsab f’Shutdown.
Is-Sit elettroniku tal-Marċ Favur il-Ħajja qed juri nota li tgħid: “Il-marċ se jsir anke jekk il-kwestjoni tas-Shutdown tal-Gvern ma tkunx riżolta. Aħna ilna 45 sena nimmarċjaw u se nimmarċjaw ukoll din is-sena biex inwaqqfu l-abbuż mid-drittijiet umani permezz tal-abort”.
Patrick Ford, minn Abbey College ta’ Belmont qal lill-Catholic News Agency li “din is-sena, b’mod partikolari se nagħmlu pellegrinaġġ u mhux okkażżjoni biex immorru naraw xi postijiet”. Ford hu responsabbli għall-kontinġent tal-imsemmi kulleġġ li se jieħu sehem fil-Marċ Favur il-Ħajja. Hu qal li “il-postijiet li se nżuru, il-Bażilika tal-Immakulata Kunċizzjoni u s-Santwarju Nazzjonali dedikat lil San Ġwanni Pawlu II, mhux milquta mill-politika u allura dak li qed jiġri fl-amministrazzjoni tal-pajjiż mhux se jaffettwana. Qed nistennew li jkollna Marċ kbir Favur il-Ħajja li fih jieħdu sehem mijiet ta’ eluf li jħobbu l-ħajja”.
Aktar minn 500 student ieħor mill-Università Franġiskana ta’Ohio ukoll se jieħdu sehem fil-marċ li se jsir f’Washington. Dawn se jieħdu magħhom banner kbir favur il-ħajja u se jilbsu kpiepel disinjati apposta għall-mixja ta’ din is-sena.  Il-grupp qed jitmexxa min Dominique Cognetti studenta tal-istudji soċjali.
Hi qalet li ma taħsibx li x-shutdown se jaffettwa l-marċ u fakkret li l-istudenti mill-Università Franġiskana kienu preżenti wkoll fil-marċ tal-2015 meta kien maltemp kbir.
L-istudenti minn Ohio se jaslu fi tmien coaches, lejlet il-marċ u jagħmlu lejla ta’ talb. Imbagħad f’nofs il-lejl jitilqu lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Kunċizzjoni biex jilħqu ‘l quddiesa u wara jkompli billi jieħdu sehem fil-Mixja Favur il-Ħajja.
It-tema magħżula għall-marċ ta’ din is-sena hi: “Uniċi mill-ewwel Ġurnata: Favur il-Ħajja u Favur ix-Xjenza” u se tiffoka fuq il-kisbeit u l-avvanzi xjentifiċi li juru “l-umanità tat-tarbija mhux mitwielda mill-mument tal-konċepiment”.  Fost il-kelliema se jkun hemm tliet membri tal-Kungres Amerikan u membru mill-Parlament ta’ Louisiana.
“Id-dritt għall-ħajja mhux kwestjoni partiġġjana u rrispettivament mill-politika għandna ningħaqdu favur il-ħajja u nopponu l-abort li hu l-akbar abbuż mid-drittijiet umani fi żmienna”, qalet lill-CNA, Jeanne Mancini, President tal-Mixja Favur il-Ħajja.
Fost il-kelliema l-oħra fil-marċ ta’ Washington se jkun hemm ukoll l-Arċisqof Joseph Naumann ta’ Kansas li hu ċ-Chairman tal-Kumitat għall-Attivitajiet Favur il-Ħajja tal-Isqfijiet Amerikani.
“Għandna eluf ta’ persuni ġejjin Washington biex jiddefendu dak li jemmnu fih u dawn mhux xjuħ biss.  Il-Mixja għall-Ħajja hi mod kif inkunu flimkiein u sodi f’dak li nemmnu fih. Aħna nafu li l-ħajja tibda mill-konċepiment. Il-marċ għandu jiftaħ l-għajnejn u jagħti ċans biex dawk li jgħidu li huma Favur il-Ħajja jagħmlu xi ħaġa dwar dak li jemmnu”, sostniet Dominique Cognetti mal-Catholic News Agency.