Il-Kavallier Maestro Pawlu Grech jagħlaq sninu

Illum qed jiċċelebra għeluq it-82 sena tiegħu il-Kavallier Maestro Pawlu Grech. Twieled bħal-lum fl-1938. Apparti l-karriera tiegħu bħala mużiċist Grech huwa wkoll magħruf fil-qasam tal-arti u matul is-snin ittellgħu wkoll bosta wirjiet bil-pitturi tiegħu.

Grech twieled fil-Belt Valletta u meta kellu 16-il sena rebaħ borza ta’ studju fil-Conservatorio Santa Cecilia. Tul is-snin li dam hemmhekk rebaħ bosta unuri.

Fl-1968 ġie msitieden mil-London BBC Radio 3 biex ikun jista’ jmexxi l-English Chamber Orchestra u kompla jikkomponi taħt il-mużikologu Awstrijak Hans Keller. Ix-xogħlijiet tiegħu bħala kompożitur xxndru f’pajjiżi bħal-Londra, l-Italja u l-Ġermanja.

Fl-istess żmien beda jistabilixxi ruħu wkoll fl-arti b’xogħlijiet tiegħu esebiti f’pajjiżi bħall-Ingilterra u Pariġi.

Wara 32 sena jgħix barra, fl-1986 Pawlu Grecg reġa’ ġie Malta u baqa’ attiv kemm fil-mużika u anki fl-arti.

Fis-sena 2000 hu kien ingħata t-titlu ta’ Chevalier Académique mid-diretturi tal-Accademia Internazionale Greci-Marino Accademia del Verbano di lettere, arti, scienze ta’ Vinzaglio fl-Italja.

L-aħħar wirja bix-xogħlijiet tiegħu ttellgħet fl-2019.

Awguri Kavallier Maestro Pawlu Grech!