Iwissu dwar ‘perikli’ fi klassijiet ta’ Skola Sajf

Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali l-UPE – Voice of the Workers ikkritikat dak li ddeskriviet bħala l-ambjent dejjem inqas sigur fi Skola Sajf, fejn waslulha rapporti ta’ klassijiet “maħmuġin”.

Żiedet tgħid li hemm vitijiet jiġru mal-art fil-klassijiet li possibilment tħallew wara xogħlijiet ta’ rinnovament, u qalet li affarijiet bħal dawn jistgħu joħolqu periklu għat-tfal u l-ħaddiema.

Il-UPE qalet li kienu diversi l-ħaddiema ta’ Skola Sajf li qalu li kellhom jixtru minn buthom riżorsi għall-attivitajiet tat-tfal.

Qalet li ħaddiema oħrajn qed jaħdmu sigħat żejda mingħajr ma jitħallsu għalihom minħabba li hemm nuqqas ta’ ħaddiema.

Fl-istess ħin il-UPE sostniet li f’uħud mill-klassijiet mhux possibbli taħdem minħabba s-sħana qawwija.

“Dewmien fil-pagi ta’ Skola Sajf” – UPE

Intant fi stqarrija oħra, il-UPE wissiet li l-pagi tal-ħaddiema ta’ Skola Sajf se jaslu tard f’Settembru u f’Ottubru. Il-unjin qalet dan fl-isfond ta’ diversi ilmenti li qalet li rċeviet mill-membri tagħha wara li rċevew imejl dwar il-pagi tagħhom.

Jidher li skont din il-komunikazzjoni, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi l-FES infurmat lill-ħaddiema ta’ Skola Sajf li l-pagi li kellhom jitħallsu fit-12 ta’ Lulju se jitħallsu fis-7 ta’ Settembru.

Il-UPE argumentat li dan id-dewmien jista’ jwassal għal-ksur tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, u li se tibqa’ ssegwi din is-sitwazzjoni mill-qrib.