Iwissi biex tiġi evitata ‘tellieqa għall-qiegħ’, il-PN jgħid li l-Gvern beda kampanja ta’ biża’

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna wissa biex fuq l-għatba tal-elezzjoni ġenerali, tiġi evitata dik li sejjaħ bħala ‘tellieqa għall-qiegħ’, b’wegħdi mhux sostenibbli mill-Oppożizzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Edward Scicluna flimkien mas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, esprima t-tama li l-proposti tal-Oppożizzjoni jkunu realistiċi u studjati sew.
Saħaq li ċertu stqarrijiet tal-Oppożizzjoni dwar il-paga minima u s-settur tal-enerġija jirriskjaw li joħolqu instabbiltà bla bżonn.
Il-Ministru stqarr li saret ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta minn xi individwi, b’mod partikolari fil-Ġermanja.  Saħaq li mhux minnu li ċittadini Ġermaniżi kellhom 1,000 kont moħbi f’Malta, u spjega li l-awtoritajiet tat-taxxa f’Malta qasmu l-informazzjoni mal-awtoritajiet fil-Ġermanja.
Irrefera għar-rapporti riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-aġenziji tal-credit ratings,  “li qed juru li l-ekonomija Maltija qed tkompli tissaħħaħ.”
Filwaqt li ċaħad li l-ispiża tal-Gvern qed tiżdied, il-Prof. Scicluna, żied jgħid li d-defiċit naqas u li kulħadd qed jibbenefika mit-tqassim tal-ġid.
“Il-Prim Ministru u l-Ministri tiegħu bdew kampanja ta’ biża’” – PN
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq li għax beda jxomm it-telfa ġejja, il-Prim Ministru u l-Ministri tiegħu, bdew kampanja ta’ biża’.
Il-PN tenna l-wegħdi ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista, fosthom li jinvestiga u jnaddaf il-korruzzjoni li ħarbtet il-pajjiż, li jbaxxi l-income tax għan-negozji żgħar kollha għal 10% fuq l-ewwel €50,000, u li jsalva l-problema tat-traffiku.