Iwieġeb mhux ħati ta’ bejgħ ta’ dokumenti foloz

Ir-raġel li ġie arrestat wara li allegatament kien qed ibigħ passaporti u permessi ta’ residenzi ta’ Malta foloz wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti.

Ilbieraħ il-Pulizija arrestat raġel ta’ 32 sena li allegatament kien qed ibigħ dawn id-dokumenti biex jassisti persuni oħra jidħlu u joħorġu minn Malta. Hu kien arrestat waqt rejd li għamlet il-Pulizija tal-Immigrazzjoni fir-residenza tiegħu f’Wied il-Għajn. F’dan ir-rejd, il-Pulizija sabet diversi dokumenti foloz, kif ukoll dokumenti oriġinali, iżda li rriżultaw li kienu misruqin, kollha fil-pussess tar-raġel.

Hu tressaq il-Qorti dalgħodu fejn ma ammettiex l-akkużi miġjuba kontrih u nżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Frankie Sammut, John Spiteri u Dorianne Tabone.