Iwieġeb mhux ħati li seraq fanal ta’ mutur; jinżamm taħt arrest

Raġel li tressaq il-Qorti llum akkużat b’serq, wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu. Minkejja dan, hu baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li llum ressqet b’arrest il-Qorti, raġel ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak.

Kien spjegat kif fl-aħħar ġimgħat, il-Pulizija mill-għassa tal-Belt Valletta investigaw rapport ta’ serq ta’ fanal minn mutur minn Triq Ġilormu Cassar fil-Belt Valletta. Minn kameras tas-sigurta’ li nġabru, kien stabbilit li min wettaq ir-reat għamel dan billi kien qed jagħmel użu minn mutur misruq.

Nhar it-Tnejn 28 ta’ Lulju, waqt ronda mill-Pulizija tad-distrett, intlemaħ dan il-mutur misruq fejn sussegwentament ġie arrestat ir-raġel li allegatament seraq il-fanal tal-mutur. Wara tfittxija ġewwa r-residenza tiegħu, instab il-fanal misruq u diversi oġġetti relatati mal-mutur il-misruq.

Ir-raġel m’ammettix għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.