Iwieġeb mhux ħati għalkemm tella’ r-ritratt ta’ martu mejta fuq Facebook

Ir-raġel minn Florida fl-Istati Uniti, li qatel lil martu u dritt wara tella’ fuq Facebook ir-ritratt tal-katavru tagħha, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Derek Medina, li għandu 31 sena allegatament spara fuq martu aktar kmieni dan ix-xahar.

Mar-ritratt li tella’ fuq Facebook hu kiteb ukoll li se jintbagħat il-ħabs jew jingħata sentenza tal-mewt wara li qatel lil martu. Żied jgħid li martu kienet qed tagħtih bil-ponn u li ma kienx se jittollera aktar dak l-abbuż.

L-avukat ta’ Medina qal li għad m’għandux strateġija dwar il-każ minħabba li għadu ma rax ix-xhieda.

Iżda minn naħa tiegħu Medina ammetta li qatel lil martu li kellha 26 sena, wara li taha diversi daqqiet bil-ponn u b’saqajh waqt argument.

Rapporti qed jispekulaw li Medina jista’ jgħid li qatel lil martu biex jiddefendi lilu nnifsu għax waqt il-ġlieda hi allegatament lestiet sikkina biex tattakah biha.

Madanakollu, Medina kien qal lill-pulizija, li qabel sparalha ħadilha s-sikkina minn idejha.